Untitled Document
Pawlu Chetcuti SJ – Musbieħ għal Riġlejja – €35

Kull nhar ta’ Ħadd il-Knisja tiġborna biex nisimgħu ‘il-Kelma t’Alla’. Wisq drabi flok jagħtin l-ħajja dak li nisimgħu ma nifhmuhx u jħallina fejn inkunu, jekk forsi ma jħawwadniex ukoll

Dan il-ktieb huwa ġabra ta’ ħsibijiet fuq il-Kelma t’Alla li nisimgħu fil-Quddiesa tal-Ħadd. Wara kull ħsieb hemm mistoqsija: x’sens fiha din il-Kelma għall-ħajja tagħna ta’ kuljum? Kif se tkun dawl li jmexxini biex nagħraf il-Verità fil-geġwiġija ta’ ilħna fejn kulħadd jippretendi li għandu raġun hu?

Fi kliem Mons Isqof Mario Grech: “Din id-damma ta’ ħsibijiet tgħinna nintebħu kemm Kristu jidħol f’kull sitwazzjoni u esperjenza umana, isaqqi x-xquq tan-nixfa interjuri u jagħti l-ħajja bis-setgħa tal-Kelma tiegħu. Fr Paul juża r-rakkont, l-istorja, il-fatt biex “jiltaqa’” mal-qarrej fil-mogħdijiet tal-esperjenzi tal-ħajja ta’ kuljum u minn hemm jakkumpanjah ħalli “jxandarlu l-Evanġelju ta’ Ġesù” (cf. Atti 8,35). F’kull riflessjoni, il-kurżità mqanqla mir-rakkont tal-bidu twassal biex ixxettel f’min jaqra l-kurżità kbira li kull bniedem għandu biex isib is-sens tal-ħajja tiegħu. F’dan il-vjaġġ, l-Awtur jindika lill-qarrej il-Kelma ta’ Alla bħala dik l-għajn li tista’ taqtagħlu l-għatx li għandu.”

Dan mhux ktieb li taqrah. Il-mistoqsijiet mhux se jweġibhomlok, imma se jistaqsihomlok hu. It-tweġiba hija Dak li hu, it-Triq, il-Verità u l-Ħajja. F’kull paġna se jistiednek biex miegħu u bħalu tkun int ukoll it-tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħek u ta’ ħutek. Ħallieh imexxik, Ħadd wara Ħadd, pass wara pass, biex Kelmtu ssir fik għajn ta’ ilma ħaj.

Il-ktieb jiġbor riflessjoni għall kull Ħadd taċ-ċiklu ABĊ tas-Sena Liturġika. Dawn dehru l-ewwel fil-Leħen is-Sewwa bejn l-2011 u l-2014. Joffri għajnuna għal kull min jixtieq jilqa’ u min jixtieq iwassal il-Kelma tal-Ħajja.

Il-kittieb huwa Ġiżwita li ħadem għal ħafna snin maż-żgħażagħ u fl-iskejjel. Kelliem, konferenzier u mexxej ta’ rtiri, b’esperjenza twila fid-direzzjoni spiritwali.

musbieh
Untitled Document