Untitled Document
Charles Briffa – Born in Birkirkara – €20

Bijografiji ta’ Nies Mejtin u Ħajjin


Charles Briffa, Born in Birkirkara: A Dictionary of Famous Maltese Personalities from Birkirkara (Horizons Publications, Malta, 2016), proġett tal-Kunsill Lokali Birkirkara  

 

Dan il-ktieb huwa dizzjunarju bijografiku li fih 171 artiklu, u għandu l-għan li jagħti d-dinjità storika lin-nies bħala umani.

 

Il-ktieb wieħed jista’ jinqeda bih bħala sors ta’ tagħrif bijografiku fuq nies prominenti u magħrufin minn Birkirkara, mejtin u ħajjin. Dawn il-personalitajiet huma rġiel u nisa li bil-kisbiet tagħhom u bil-pożizzjonijiet tagħhom ġabru għarfien fis-soċjetà.

 

Imma huwa kemxejn aktar minn dizzjunarju bijografiku għax jipprova juri s-siwi soċjali, l-esperjenzi, u l-merti (letterarji, akkademiċi, professjonali, u tas-sengħa) ta’ kull personalità. Kulħadd jingħata l-ispazju xieraq tar-riċerka, skont il-potenzjalitajiet ta’ kull wieħed u waħda.

 

Dan il-ktieb, għalhekk, huwa l-gwardjan tal-għerf individwali li jixraqlu jerġa’ joħroġ għad-dawl. Kull suġġett jidher bis-soġġettività tiegħu bħala bniedem li jeħtieġ jidher bħala preżenza fil-memorja tagħna. U kull suġġett jinftiehem bħala kontribuzzjoni għall-kultura tagħna. B’hekk l-umaniżmu narawh kemm bħala tifkira storika u kemm bħala binja taċ-ċittadin soġġettiv.

 

Fil-biċċa l-kbira tal-artikli, il-Professur Briffa jipprova jfisser l-aspetti idjosinkratiċi u mentali tal-personalitajiet li jikteb fuqhom. Jemmen bis-sħiħ li l-fatt li nkunu qed niflu l-ħajjiet ta’ dawn in-nies li b’xi mod għamlu isem, jista’ jwassal għal kontemplazzjoni aktar profonda li tagħtina ħjiel fuq kif jaħdem moħħhom.

 

Briffa, għaldaqstant, jipprova jesplora dawn il-ħajjiet sabiex jikkonferma li tabilħaqq għandna għalfejn niftakruhom.

 

born in birkirkara
Untitled Document