Untitled Document
Charles Briffa – Ħsiebu Jsuqu – €20

Oliver Friggieri, hu u jestendi l-elementi ewlenin tal-kontemporanjetà, jifhem il-kreattività bħala laqgħa produttiva bejn il-letteratura u ż-żmien. 

Fil-firxa letterarja ta’ pajjiżna Friggieri huwa kontinwazzjoni ta’ Dun Karm, u għaldaqstant fuq il-platform letterarju Friggieri għandu jitqies bħala awtur nazzjonali. Hemm fih imħabba fundamentali għal ġensna, għax il-kitbiet kreattivi, ġurnalistiċi, u akkademiċi tiegħu jidħlu b’qawwa nazzjonali u kulturali biex jagħtu rapport siewi fuq il-ħajja u r-ruħ tal-ġens. U dejjem iwassal l-ideat tiegħu b’leħen prudenti ħa jkattar l-istabilità fil-mentalità Maltija. Huwa interpretu u għassies tal-valuri u l-kultura tal-Gżejjer Maltin. U Ħsiebu Jsuqu: Oliver Friggieri Jżomm l-Idea tal-Umanità jagħti ħjiel ta’ kemm hu minnu dan li qed jingħad. 

Dan il-ktieb jipprova jittrasformalna l-mod kif nifhmu lil Oliver Friggieri u l-kontemporanjetà tagħna. Ix-xogħol letterarju kollu tiegħu, kemm bħala professur tal-letteratura u kemm bħala rumanzier u poeta, huwa mmotivat minn dawn it-tliet prinċipji: li l-letteratura trid tinvolvi ruħha soċjalment sabiex toħloq għarfien xieraq; li l-letteratura trid tirrifletti l-umanità fit-tfittxija tagħha għat-tifsir tal-ħajja; u li l-letteratura trid tibda mill-interpretazzjoni tal-ambjent ta’ pajjiżna u timxi lejn tifsir universali.

U l-isforzi tat-tpinġijiet tiegħu bil-bajrow huma espressjonijiet li jixhdu ħsieb meditattiv li wkoll ifittex xi verità umana. 

Il-Professur Charles Briffa jgħallem il-Letteratura Maltija u t-Traduzzjoni fl-Università ta’ Malta, u huwa kritiku letterarju, studjuż tal-Malti, u traduttur.

hsiebu
Untitled Document