Untitled Document
Alfred Degabriele – Siparju. – €13

Ħafna drabi ngħidu li ż-żmien jgħaddi u jnessi! Iżda wisq drabi wkoll it-tifkiriet u r-reminixxenzi li jħallilna mhux lakemm twarrabhom – bħalma mhux faċli tinsa l-akbar ġrajjiet f’ħajtek u ta’ dawk li kienu jgħixu madawrek.

Il-Moviment Qawmien Letterarju twieled 50 sena ilu. Illum forsi ngħidu li kien għamel żmienu. Iżda ħadd ma jiċħad il-fatt li – minkejja xi nuqqasijiet ’l hawn u ’l hinn – permezz tiegħu sar ħafna ġid lill-Ilsien Malti u l-Letteratura Maltija f’kull ġeneru. Issa dawn daħlu sew fl-isfera tal-ħajja u nkisru għalihom il-barrieri li kienu jbarruhom. Ukoll jekk dak li f’dak iż-żmien konna nqisuh modern issa għaddew ħamsin sena minn fuqu.

Huwa dan li jippruvaw jgħidu u jġeddu f’Siparju – ktieb ta’ tifkiriet – ħafna mill-protagonisti ta’ dak il-Moviment: it-tlugħ u l-inżul li esperjenzaw fl-entużjażmu ħawtieli tagħhom. F’kull wieħed/waħda bħal inħossu l-ferħ għas-sehem mogħti bix-xewqa kbira li lkoll kellhom li l-Malti jibqa’ jikber u li l-Letteratura Maltija tibqa’ tissaħħaħ u turi ż-żmien li qegħdin ngħixu.

siparju.
Untitled Document