Untitled Document
Achille Mizzi – Ġenesi Poeżiji 2007 – 2016 – €13

Il-vantaġġ tal-poeta jinsab, qabelxejn, fil-ħila istintiva li jegħleb il-limitu taż-żmien u l-post. Il-lirika tiegħu mhix databbli, anzi taħrab minnufih, bħallikieku ffastidjata minn provokazzjoni, kull inkwadrazzjoni ta’ ambjent jew tensjoni storiku-kulturali. Fuq kollox, Mizzi mhuwiex Malti, għad li qiegħed jikteb din il-paġna ta’ valur ewlieni fil-poeżija ta’ pajjiżu. Il-komponent lokali hu, f’termini Aristoteliċi, il-fundament storiku partikulari li fuqu jibni, biex jaħbi l-fundament, it-torri għoli tat-tifsir kożmiku.

OLIVER FRIGGIERI

Achille Mizzi jitqies wieħed mill-aħjar poeti Maltin ta’ żmienna. Meta niflu l-poeżiji tiegħu mis-sittinijiet ’l hawn insibu li huwa spiss ispirat mit-teknoloġija l-ġdida, mid-dinja primittiva, u mill-mitoloġija li għandha sinifikat universali għalih. Sikwit nilmħuh waħdu jterraq u jfittex l-enigma tal-ħajja; imma fil-fatt huwa vjaġġatur soċjali involut fil-meditazzjoni eżistenzjali. Il-poeżija tiegħu hija frott tal-uġigħ intellettwali u d-dwejjaq spiritwali li jnixxu mit-tħassib tiegħu meta jara lid-dinja fi kriżi. Hija poeżija li tiddiskuti kwistjonijiet umani fundamentali li jgħinu ċ-ċiviltà għax, kif jgħid Whitehead, il-poeżija seek[s] to express that ultimate good sense which we term civilisation.

CHARLES BRIFFA

Jien tal-fehma li f’din il-ġabra wkoll, bis-saħħa u l-ħakma tal-kelma mħaddma bl-akbar maturità, Mizzi jkompli jikkonferma ruħu li hu l-werriet u s-suċċessur denn ta’ Dun Karm, kif sostna ferm tajjeb Oliver Friggieri fl-istudju kritiku li nsibu fil-ktieb PoeżijiAchille Mizzi (2009). Nemmen ukoll li f’din il-ġabra, apparti li jissokta jimraħ b’konvinzjoni u b’qawwa passjonali – dwar it-temi vasti li mdorrijin bihom – issa daħal f’fażi ġdida poetika fejn il-mistiku jinħass b’saħħa tremenda. Mizzi hu l-poeta axxetiku, il-bniedem li Alla jitkellem bil-fomm tiegħu, li akkost ta’ kollox irid li jitbiegħed minn dak kollu li hu mondan, illużorju u fieragħ. Hawn qed jippreżenta ruħu bħala l-bniedem imnebbaħ, li wara li rnexxielu jissupera l-proċess tal-‘jien’, fehem l-essenza vera u propja tal-eżistenza, u bi spirtu trasfigurattiv iwieżen kull ħlejqa mikro u makro. U f’dan l-istat kontemplattiv il-ħajja għalih tissawwar f’għajxien awtentiku fil-milja tar-ruħ.

ANDREW SCIBERRAS

 

genesi
Untitled Document