Untitled Document
Joe Friġġieri – It-Tulipan l-iswed u drammi oħra – €12

Bil-pubblikazjoni ta’ dawn l-erba’ drammi għat-tfal u ż-żgħażagħ qed jimtela vojt li ilu jinħass, l-aktar fl-iskejjel fejn tidħol l-attività drammatika. L-ewwel tliet drammi kienu dehru għall-ewwel darba f’Sagħtar, ir-rivista għall-iskejjel, fl-1971, inħadmu f’bosta skejjel, u għadhom relevanti sal-lum.

Huma drammi b’element qawwi ta’ fantasija, b’tagħlima siewja f’kull wieħed minnhom. Jekk It-Tulipan l-Iswed jittratta l-kruha tad-diskriminazzjoni soċjali, Matti jitkellem favur l-ambjent naturali Malti u l-isfreġju tiegħu bi żvilupp esaġerat.

L-Għanja tal-Weraq ilaqqagħna mal-ġmiel dejjem jiġġedded tal-istaġuni, hekk kif il-weraq tal-Ħarifa u tar-Rebbiegħa jiddibattu l-merti rispettivi.  L-Għanja tal-Pasturi, miktub aktar tard, fl-1983, hu dramm ferm addattat għal żmien il-Milied. L-awtur jieħu din il-ġrajja unika u jdawwarha fi sfond Malti li jlaqqagħna wkoll ma’ drawwiet lokali li xi wħud minnhom qed jintilfu mal-mixja taż-żmien.

Horizons huma kburin li qed jippreżentaw dawn l-erba’ drammi li joffru divertiment u tagħlim għat-tfal kollha Maltin u Għawdxin.

 

Joe Friggieri dejjem fittex li jilħaq firxa wiesgħa ta’ qarrejja fix-xogħlijiet tiegħu. ‘L-Istejjer tar-Ronnie’ kiseb popolarità kbira fost l-istudenti u l-għalliema tal-iskejjel privati, waqt li waħda mill-istejjer miġbura fil-ktieb ‘Ħrejjef għal Żmienna’ ntgħażlet biex tagħmel parti minn diversi antoloġiji.

 

tulipan
Untitled Document