Untitled Document
Omar Seguna – Xehir Fis-Skiet – €12

“Ngħidha bla tlaqliq li Omar Seguna huwa poeta għal qalbi, għax fis-sempliċità tal-versi tiegħu tinħass ruħ li taf tiżen u taf tħoss in-niket u n-nuqqasijiet tal-kotra. L-iżbilanċ soċjali jdejqu sew; hekk dejjem xehdet il-poetika tiegħu. Il-leħen tal-protesta tiegħu hu inċiżiv imma qatt kattiv jew  abbużiv. Meta jistqarr li hu ‘bħal ramla f’deżert’ tifhem sew l-umiltà u sew l-għadab tiegħu għall-arroganza tal-poter kull fejn tinbet. Għaldaqstant bosta poeżiji f’din il-ġabra jixhdu t-tbatija u d-diżugwaljanza li għadhom kotrana f’dinja li suppost hi tagħna lkoll.
Omar huwa wkoll wieħed mill-ftit poeti lokali li ħaddmu l-poeżija plastika, fejn ukoll iħaddem ferm tajjeb il-lingwaġġ tiegħu b’arranġamenti viżwali bħal f’It-Triq lejn id-Dar u f’Ħajt. F’dan il-qasam aktarx li l-aktar waħda oriġinali hi Demm li, miktuba  bl-aħmar, tqarreb ħafna l-arti viżiva. Fir-ruħ makabra tagħha tħoss il-qilla tal-għelt u tal-protesta. F’terminu ġenerali l-poeżija ta’ Omar hi waħda ta’ osservazzjoni soċjopolitika, ta’ kejl sensittiv u ta’ twiddib ġust. Jagħraf, bħal kull poeta, li vrusu mhux se jbiddlu d-dinja, imma jagħraf ukoll li l-kruha li teżisti taħt it-tlellix ta’ soċjetà għamja-truxa trid tibqa’ tiġi missielta f’ġieħ is-sewwa. Din hi t-tielet ġabra ta’ Omar Seguna; jidher li baqa’ kostanti fit-tematika tiegħu: l-analiżi meqjusa u l-viżjoni nobbli ta’ għejxien ġust għal kulħadd. Hija ħolma ta’ ġustizzja soċjali li ma naffordjawx nitilqulha l-ħabel. Omar hu poeta importanti f’din it-taqbida ġusta.”

Victor Fenech

xehir
Untitled Document