Untitled Document
Tony Sciberras – John Sciberras Jirrakkonta – €10

Il-kittieb John Sciberras miet fit-8 ta’ Marzu, 2004.  Minn dak iż-żmien ’l hawn, bl-inizjattiva ta’ ħuh iż-żgħir, Tony, xi kitbiet milli ħalla warajh ħarġu bħala kotba.  Fl-2005 Tony ġabar numru ġmielu ta’ poeżiji u ħariġhom bl-isem John Sciberras: Poeżiji Magħżula. Is-sena ta’ wara ħadem fuq Passaġġi, ġabra ta’ 366 ħsieb, wieħed għal kull jum tas-sena (Pubblikazzjoni Preca, 2006). Dan il-ktieb kien ħa l-ewwel premju fl-edizzjoni tal-2007 tal-Konkors Premju Nazzjonali tal-Ktieb fit-taqsima tal-kitba b’xejra reliġjuża.

Imbagħad Tony beda jfittex in-novelli ta’ ħuh.  Ma sabx daqs kemm stenna, imma  kien hemm numru biżżejjed minn fejn wieħed jagħżel biex jibda jaħseb għal ktieb ieħor. John Sciberras Jirrakkonta, li għadu kif ħareġ, huwa ppubblikat minn Horizons Communications. L-iskop prinċipali ta’ dan il-ktieb huwa li jiġbor flimkien 18-il novella oriġinali li John Sciberras kiteb bejn l-1948 u l-1997, imma, billi storja tista’ tgħidha wkoll f’forma ta’ poeżija, il-ktieb jinkludi wkoll 6 poeżiji narrattivi li ma kenux sabu post fil-ktieb tal-poeżiji ta’ John.  Tony Sciberras jikteb l-introduzzjoni għal dan il-ktieb ta’ stejjer hu stess.

John Sciberras twieled fis-27 ta’ Novembru, 1932. Kien ko-fundatur, flimkien ma’ Vincent Caruana u Manwel Cassar, tal-Għaqda Letterarja Maltija fl-1951 u kien membru tal-kumitat tagħha għal bosta snin.  Matul iż-żmien kien jippubblika l-kitbiet tiegħu f’diversi gazzetti, rivisti u antologiji kif ukoll kien ixandarhom fuq ir-Rediffusion u r-radio. Kien ukoll ko-awtur ta’ Tlitt Iqlub (1953) u Qawsalla ’72 (1972).

Kotba oħra ta’ John Sciberras jinkludu Ġrajja ta’ Safra (1955), Qtar (Societas Doctrinae Christianae,  M.U.S.E.U.M. 1982), Pinokkjo (PIN 1990) u Alice fil-Pajjiż tal-Ġħeġubijiet (MUT Publications 2003). Ħalla warajh ħafna kitbiet oħra li għadhom mhux ippubblikati li jinkludu poeżiji, tifkiriet, novelli, biografiji u djarju li jibda f’Diċembru, 1949.  It-traduzzjonijiet tiegħu jinkludu The Wizard of Oz kif ukoll għadd imdaqqas ta’ novelli u ħrejjef ta’ diversi awturi.

F’John Sciberras Jirrakkonta, Tony Sciberras li hu aktar magħruf bħala pittur u għalliem tal-arti, idaħħal ukoll numru ta’ riproduzzjonijiet ta’ xi wħud mill-pitturi tiegħu.  Bħalma jistqarr bla tlaqliq fl-intoduzzjoni tiegħu, dawn l-istampi m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-istejjer ta’ ħuh John, imma minbarra li jagħtu dehra aktar attraenti lill-ktieb, għandhom iservu wkoll ta’ intervalli ta’ mistrieħ għall-għajnejn għajjiena mill-qari.

john sciberras jirrakkonta
Untitled Document