Untitled Document
Sebastian Debono – Il-Furban Malti El Sakr u l-Assedju tal-1551 – €12

Il-ġrajja tal-assedju ta’ Malta u Għawdex li seħħ f’Lulju tas-sena 1551 hija mżewqa b’xi elementi strambi. Eluf ta’ gwerrieri gwappi Torok flimkien ma’ mijiet ta’ pirati ħorox ta’ Barberija ġew jeħduha kontra gżiritna. Magħhom kien imdaħħal il-qalil kursar Dragut, magħruf fl-Ewropa kollha bħala t-terrur tal-Insara. Suleyman kien għadu kif laħħqu kapudan, jiġifieri ammirall tal-imriekeb kollha tal-kursara ta’ Barberija. Huwa u jagħtih dan l-unur, l-Imperatur Tork għamilhielu ċara li riedu jfittex jeħilsu darba għal dejjem mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann kemm mill-gżejjer Maltin kif ukoll minn Tripli fil-Libja.

Huma u ġejjin Malta dawn il-ġellieda Saraċini b’kuraġġ u b’ardir sfaċċat attakkaw u ħarqu għalkollox il-port ta’ Messina. Issoktaw isalpaw lejn Malta u ħebbew għaliha. Iżda, ħaġa tal-iskantament, dan l-assedju ntemm ħabta u sabta wara ftit jiem biss. Din l-irtirata kienet ta’ għajb għall-eżerċiti Saraċini u għall-pirati ta’ Barberija. Lanqas ħaqq l-istrapazz biex dawk l-eluf ta’ ġellieda ġew hawn u ġarrew magħhom għodod tqal ta’ gwerra, bhejjem u proviżjonijiet ta’ ikel u xorb! Imbagħad, x’kien dak l-isparar ta’ kanun f’San Pawl il-Baħar? U, għala Dragut mar jeħodha waħdu waħdu kontra l-Għawdxin?

F’dan it-tieni r-rumanz dwar il-ġrajjiet tal-furban Malti El Sakr noffri soluzzjoni għall-misteri li l-brimba tas-snin sawret f’għanqbuta mħabbla għall-aħħar. L-avventuri ma jonqsux, waqt li El Sakr jittituba fih innifsu bejn il-ġibda lejn sħabu l-pirati u dik lejn ħutu l-Maltin u l-Għawdxin, bejn l-imħabba għal pajjiżu u l-mibegħda għall-kavallieri.

 

sakr
Untitled Document