Untitled Document
Charles Briffa – Temenos – €13

Rumanz poetiku fuq l-Imnajdra li jinseġ il-ġrajja mistħajla tal-ispirtu erojku tal-Malti ħieles bi qlubitu.

Temenos hija l-ġrajja mistħajla tal-bini tal-Imnajdra li tifrex il-valuri tradizzjonali li jsawru lill-eroj Malti – valuri li jgħoddu għal dejjem, ukoll għal żmienna.

Wara l-bini tal-Imnajdra, issir funzjoni biex tagħti qima lill-allat. Imma waqt din il-funzjoni jinqatel Ħattar (il-qassis-mexxej tal-komunità), u mad-daqqa li toqtlu t-taqtigħa ewlenija tibda bejn Għaqli (il-protagonist fuq in-naħa tal-forzi prudenti) u Għakri (it-tirann fuq in-naħa tal-forzi egoistiċi). Il-ġrajja hija mfawra bl-azzjoni u l-avventuri, u fl-istħajjil tara (fost oħrajn):
• u it-tajfa ewlenija li waslet fuq dawn il-gżejjer
• u x’wassal għall-bini tal-maqdes
• u il-ħidma tal-bini bikri
• u l-imħabba tal-eroj u martu
• u it-trawwim sod tal-ulied
• u il-ħsieb għall-invenzjonijiet bikrin
• u iż-żjara fid-dinja ta’ taħt għall-għarfien
• u il-ġlied għall-ħelsien

Hija ġrajja mwettqa bir-rikkezza espressiva u kulturali tal-ilsien Malti biex tagħti ġieħ lill-moħħ indipendenti li jfittex il-ħelsien tal-ħsieb u tal-għemil. Għax l-eroj Malti huwa l-qalbieni li, b’sidru quddiem, iħabbat wiċċu mal-ħażen: huwa l-bniedem attiv għas-sewwa li ma jaħrabx il-ħażen imma jipprova jegħlbu.

Meta naqraw il-ġrajja tal-ħaġar imtella’ maqdes nagħrfu lilna nfusna bħala ġens u allura l-ġrajja tqim l-idea tal-indipendenza u kulma tħaddan f’isem il-ħelsien prudenti.

tem
Untitled Document