Untitled Document
Sebastian Debono – Il-Furban Malti El Sakr iżur il-Karibew – €13

Dan it-tielet rumanz dwar l-avventuri ta’ Pietru, il-furban Malti El Sakr, jaqbad eżatt minn fejn jintemm it-tieni wieħed. Jiġifieri, x’ġara wara li Karlu Ħamsa, l-Imperatur ta’ Spanja, wera x-xewqa li jiltaqa’ ma’ dal-pirata qalbieni u tal-galbu, li sfida u seħħlu jegħleb lir-Rajjes Dragut, il-kapudan tal-kursari ta’ Barbarija u t-terrur ardit tal-baħħara Nsara.
L-Imperatur ilaħħaq lil Pietru Konti ta’ Orense u jibda jtella’ u jniżżel ilaħħqux ammirall tal-flotta Spanjola fil-Mediterran, minflok ix-xwejjaħ Andrea Doria li issa kien aktar ħsiebu li jirtira għalkolox f’Ġenova, art twelidu. Iżda, ix-xitan m’għandux ħalib! L-Inkwiżitur ma kienx jaqbel ma’ dal-pjan tal-Imperatur, u saħansitra jagħżel assassini skifużi mħarrġin fl-użu tas-sejf mill-Hermandad, korp fula maqsuma ma’ dak tal-Muskettieri tar-Re ta’ Franza, u jibgħathom jintimidaw lil Pietru. Biex iżomm il-paċi ma’ dal-prelat ekkleżjastiku, l-Imperatur jibgħat lil Pietru u lill-Ambaxxatur Alvaro Pérez jaqsmu l-Atlantiku, oċean vast u dik il-ħabta ftit li xejn ikkonoxxut, sabiex jaqduh f’missjoni diplomatika fil-kolonji tal-hekk imsejħa Spanja l-Ġdida fix-xaqliba tal-Baħar Karibew. Dawn l-artijiet kienu skoperti ftit snin qabel minn esploraturi-konkwistaturi bħal Cristoforo Colombo, Hernán Cortés u Nuño Beltrán de Guzmán.
Fiż-żjajjar tagħhom lid-diversi kolonji u speċjalment il-Messiku, Pietru u Alvaro jkollhom avventuri oħrajn. Kif jista’ ma jkollhomx meta jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ ma’ sriep li kapaċi jibilgħu żiemel sħiħ, ma’ Indjani slavaġ kannibali, mal-gwerrieri eroj el Lobo u el Tigre li jagħmlu ħilithom sabiex jindukraw lill-imsejkna Messikani mill-krudeltà u s-sadiżmu ta’ sidien Spanjoli u anke ma’ ħallelin ħorox kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar?
Iva! F’dil-ġrajja l-avventuri ma jonqsux la fi Spanja l-Qadima u lanqas fi Spanja l-Ġdida.

furban 3
Untitled Document