Untitled Document
Carmel Scicluna – Il-Ħaddiema ta’ Miss Wilma – €13

Miss Wilma Draganti – ħoxna tal-Mużew bil-mustaċċi – hi l-Kbira li tmexxi laboratorju fejn jiġu analizzati kampjuni tal-ikel, tal-ilma u tal-kokò. 

Il-Ħaddiema jintbagħtu ma’ Miss Wilma għax ma jrid iħaddimhom ħadd. U la l-Gvern Malti u wisq anqas il-Privat. 

Xi Ħaddiema jippretendu li ma jġibux lunch. Għax jiffangaw bl-ikel li jidħol għat-testijiet. Jekk ma jixbgħux, il-Kbira ċċemplilhom għal aktar kampjuni. Inkella  ma toqgħodx bihom. 

Xi Ħaddiema jitlewmu għas-sufanijiet għax iridu jistrieħu għall-part-time ta’ filgħaxija. U hemm min jidgħi u joffendi ‘l Miss Wilma jekk ifettlilha tqajmu biex jagħmel naqra xogħol. 

Prinċipal jiġri bil-lista ta’ min se jieħu ġbejna tal-bżar jew yoghurt. Prinċipal ieħor jitqabbad mill-Kbira biex isajjar il-kampjuni tal-laħam medium jew well done; dan il-Prinċipal jogħrok u jaħsel l-art bil-mopp aħjar minn Xummiemu – l-aktar purtinar maħmuġ u għażżien tal-Laboratorju. 

Mhux biżżejjed żewġ breaks mhux uffiċjali u break twil uffiċjali. Il-Ħaddiema ta’ Miss Wilma jeħtieġu bosta mistrieħ għax il-ġurnata twila wisq sal-ħamsa ta’ wara nofsinhar.   

haddiema
Untitled Document