Untitled Document
Mark Cauchi u Simon Mercieca – Vetustior Glorior – €25

Kburi għax l-eqdem
Ġrajjet l-Irhieb ta’ Santu Wistin fir-Rabat u fl-Imdina:
Politika, Qdusija, Arti, TagĦlim u Arkitettura
c. 1300-2000

 

Dan il-ktieb jagħtina tagħrif ġdid dwar il-wasla tal-patrijiet jew irhieb mendikanti ġewwa pajjiżna. 

L-Irhieb Agostinjani fittxew kenn fil-Mellieħa qabel ma marru jgħammru f’imkejjen differenti fir-Rabat, fl-Imdina u f’Għawdex. Dan il-ktieb jagħti tagħrif ġdid dwar l-attakk li sar mill-Mori fl-1429 fuq ir-Rabat u l-Imdina. Wara dan l-attakk, l-Irhieb Agostinjani mexxew id-dejr jew il-monasterju tagħhom għal fuq is-Saqqajja. Id-dejr tagħhom tas-Saqqajja kien ċentru ta’ produzzjoni ta’ kotba, magħrufa bħala inkunabula, u post importanti tat-tagħlim. Kien f’dan il-monasterju fejn xi Patrijiet daħħlu t-tagħlim ta’ ħuhom, l-Agostinjan  Martin Luteru, f’Malta.

Dan il-ktieb juri kif, wara l-attakk tal-flotta Ottomana fl-1551, l-Agostinjani tilfu dan id-dejr, u l-Isqof ta’ dak iż-żmien, Domenico Cubelles, tahom il-knisja ta’ San Mark u xi kmamar li kien hemm magħha. Dawn kienu ftit passi bogħod mid-dejr ta’ fuq is-Saqqajja. Minflokhom, il-Patrijiet Agostinjani bnew kunvent u knisja ġdida ħalli jkunu jistgħu jaffermaw aħjar l-identità Kattolika fil-gżira Maltija skont il-Kontro-Riforma Rumana. Ir-riċerka għal dan il-ktieb wasslet għal tagħrif ġdid kemm f’dik li hija storja, teknika, kif ukoll estetika artistika li ntużat għall-bini ta’ din il-knisja u dan il-kunvent ġdid. 

Fuq kollox l-istorja ta’ dan il-kunvent hija wkoll parti mill-istorja politika ta’ pajjiżna. Dan il-ktieb juri kif kien fost dawn il-Patrijiet li kiber il-ħsieb għall-awtonomija mill-Provinċja ta’ Sqallija, jiġifieri xtaqu, qabel patrijiet oħra, li jkollhom rajhom f’idejhom fit-tmexxija tal-affarijiet interni tagħhom. Il-ktieb juri l-importanza ta’ dan il-kunvent fil-perjodu qasir tal-Gvern Repubblikan Franċiż u li kien il-kawża tal-qawmien tal-Maltin kontra din il-ħakma ġdida. Il-ktieb ikompli juri kif mal-wasla tal-Ingliżi, il-mexxejja l-ġodda użaw dan l-għatx tal-Patrijiet għall-indipendenza politika biex ma jħallux Provinċjali minn Sqallija jirfsu f’Malta u jindaħlu fl-affarijiet interni tar-Reliġjużi Maltin. 

Il-ktieb jagħti wkoll ħarsa lejn l-oġġetti tal-arti u preġju li kellu u għandu dan il-kunvent, kif ukoll numru ta’ tradizzjonijiet li kellhom dawn il-Patrijiet, fosthom dawk dwar l-ikel u l-festi popolari. 

Ma hemmx dubju li din il-pubblikazzjoni tagħmel minn dan il-ktieb wieħed ta’ referenza mhux biss minħabba l-istorja ta’ dan il-kunvent u l-knisja konventwali li hemm miegħu iżda wkoll għax jitfa’ dawl ġdid fuq l-istorja tal-monastiċiżmu mendikanti ġewwa pajjiżna. 

books28-3
Untitled Document