Untitled Document
Emanuel J. Casingena – Anna tal-Esseni – €13

Anna tal-Esseni  hija l-omm li weldet wild straordinarju għax minn dan l-istess wild twieled il-Messija. Għalkemm miljuni ta’ kattoliċi jħarsu lejn din l-omm bħala n-nanna ta’ Ġesù u jiċċelebrawha, ftit huma dawk li jafu dwarha. Biex wieħed isir jaf fuq Sant’Anna jrid jara l-ħajja tagħha fi ħdan l-Esseni, mhux biss, iżda jsegwi dak li qalu fuqha qaddisin kbar u Dutturi tal-Knisja.

Meta l-Verġni Mbierka Marija bdiet titqies bħala Medjatriċi, l-irwol ta’ Sant’Anna bħala omm l-Medjatriċi sar iktar sensittiv fid-drama tal-Inkarnazzjoni. Minn ġuf Sant’Anna, il-Verġni Marija kienet protetta mill-Ispirtu s-Santu, b’hekk bil-patt il-ġdid Marija saret il-Ministru tar-Rikonċiljazzjoni. Hekk Anna kellha sa minn ġo ġufha l-Qdusija tar-Rikonċiljazzjoni. Bla dubju r-rigal ta’ Alla lill-bnedmin kien il-wild li Hu stess ta lil Anna, imwielda biex tipprepara t-triq tas-salvazzjoni tal-bniedem. Dan il-wild kien wild prezzjuż għax kien l-iktar wild qaddis qrib Alla.

Għalkemm il-ħajja qaddisa ta’ Ġwakkin u Anna hija misteru moħbi fl-istorja, għaliex ma nafux fid-dettall l-avvenimenti bil-preċiż kif ġraw madwarhom, fiż-żgur nafu li huma bħala ġenituri ta’ Marija kienu fdati minn Alla biex jipproteġu din il-ġawrha rregalata lilhom. San Damaxxen jiddeskrivi lil dawn il-ġenituri b’dan il-mod: “Kbar u glorjużi Patrijarki San Ġwakkin u Sant’Anna, għax intom bħala l-magħżula qaddisa ta’ Alla ħejjejtu t-triq tal-Misteri ta’ Alla u b’hekk id-dinja permezz ta’ bintkom il-Verġni Mbierka ġabet il-Feddej tal-umanità. B’dan l-att tagħkom intom fost l-aqwa fir-renju ta’ Alla ma’ bintkom Marija u iben Alla l-ħaj.”

anna tal-esseni
Untitled Document