Untitled Document
Andrew Sciberras – Achille Mizzi – Il-Werriet u s-Suċċessur Den Ta’ Dun Karm – €13

F’għadd ta’ sensi Mizzi hu l-werriet u s-suċċessur den ta’ Dun Karm; il-versi tiegħu huma sottilment, sikwit, żviluppi maturi u kisbiet tipiċi tal-poeta nazzjonali. Il-klassiċità miksuba romantikament minn Dun Karm hi hawnhekk imġedda u adattata għal qagħdiet u ambjenti poetiċi differenti.

Oliver Friggieri

 

Mizzi hu poeta ta’ potenzjal kbir, li f’moħħu għandu inċiża l-mappa tal-kożmos, u tul medda mdaqqsa ta’ snin din sawwarha forsi fl-aħjar poeżiji li għandna fil-Letteratura Maltija, u xogħlijietu jagħnu lil kull student u għalliem li jistudjah fil-baħar komparattiv tas-simboloġija u l-lingwa. Achille Mizzi huwa Poeta, Poeta.

Tarċisju Zarb

 

Fil-fehma ta’ ħafna, Achille Mizzi hu wieħed mill-aktar ilħna partikolari tal-poeżija moderna Maltija. U huwa wieħed mill-ftit li indirizza b’intensità u b’għarfien kbir it-temi varji li jixirfu f’xogħlijietu. Dan qed nisħqu għall-fatt li l-poeżija tiegħu hi arti awtentika għall-aħħar għax hi mixja lejn l-assolut, lejn l-immensità  tal-kożmu, lejn l-ispiritwalità  mitwielda fil-bniedem u dak kollu li jsawru; u m’għandhiex l-aridità  ġewwiena, jew aħjar il-materjaliżmu, it-twemmin fid-dinja tas-sensi biss.

Mizzi mhuwiex dak il-poeta li jiskot u ma jistenniex tweġiba quddiem il-mistoqsijiet il-kbar tal-eżistenza. Anzi, hemm waqtiet li jmur oltre milli jistenna tweġiba. Huwa hu l-interrogatur ta’ kollox, jiġifieri tiegħu nnifsu, tal-iskoperti xjentifiċi, ta’ Ommna n-natura bil-kreaturi mikro u makro, tal-vastità  tal-univers, u saħansitra ta’ Alla. Fl-interrogazzjonijiet tiegħu ma jridx tweġibiet frivoli; imma l-akbar kilba għalih hi li jaħkem fl-ifnad irkejjen ta’ ruħu l-essenza ta’ kull ħaġa li semmejt hawn fuq.

Achille Mizzi20
Untitled Document