Untitled Document
Il-Qtar li Nħobb – Poeżiji ta’ Jesmond Sharples – €13

Għal Jesmond Sharples, li jikteb il-poeżija mhuwiex kapriċċ imma bżonn intrinsiku li jirrifletti l-qagħda ta’ ruħu tul il-vjaġġ tal-eżistenza tiegħu. Baudelaire jiġġudika lill-poeta kemm hu awtentiku minn kemm jibbaża xogħlijietu fuq ir-realtajiet tal-ħajja. Din l-asserzjoni tidħol kexxun fil-forma mentis ta’ Sharples għax vrusu huma xhieda ċara tat-tiġrib uman. Bħala poeta, jiġifieri essri uman li jġarrab, iħoss u l-bqija, isir il-bniedem konxju ta’ żmienu u għandu dejjem quddiem għajnejh l-idea kożmika sal-inqas dettall u l-inqas inċident li jseħħ.

Il-poeta jaf, u jaf sew, li ma jistax jaħrab mit-tiġrib ta’ ġo fih u ta’ madwaru, kemm eżistenzjali kif ukoll dawk imwettqa mill-bniedem. Għalhekk, quddiem din ir-realtà kruda, kulma jifdallu huma biss vrusu li jservuh bħala katarsi, u f’dawn il-waqtiet jgħix mumenti ta’ serħan u trankwillità. Il-poeżija ta’ Sharples hija awtentika għax donnha qisha żveljarin li jirnexxilu jqajjem fil-qarrejja-semmiegħa tiegħu sentimenti li kienu hemm fihom diġà, rieqda. Hi poeżija intensa għax twassal għall-gost estetiku: gost li jitnissel mhux biss mill-mużikalità tal-lessiku, iżda wkoll mill-fatt li terġa’ tqanqal l-esperjenzi qodma, imgħoddija. U fuq kollox għandha l-kapaċità li tibdel l-esperjenzi senswali u spiritwali f’simboli li mbagħad iħallu effett qawwi fil-kuxjenza tal-qarrej.

Andrew Sciberras

Il-Qtar li nhobb
Untitled Document