San Ġwann tas-Salib twieled f’Fontiveros, fi Spanja, fl-1542 u ssieħeb fl-Ordni Karmelitan fil-kunvent ta’ Medina del Campo, fejn beda l-formazzjoni tiegħu. Fl-1568, imħeġġeġ minn Santa Tereża ta’ Ġesù, waqqaf flimkien ma’ oħrajn ir-Riforma tal-Karmelitani Skalzi sabiex iġedded il-ħajja reliġjuża fi stil iktar kontemplattiv skont l-ispirtu oriġinali tal-Karmelu. Qeda diversi ministeri ta’ tmexxija u formazzjoni u kien direttur spiritwali għaref, ta’ dixxerniment fin u xhud ta’ ħajja qaddisa. Forst ħafna oppożizzjoni u tiġrib, mill-ħabs konventwali ta’ Toledo għanna wħud mill-ifjen versi poetiċi tal-mistika Nisranija u l-letteratura Spanjola. Miet f’Úbeda fl-1591. Ħallielna wirt spiritwali u teoloġiku kbir, magħmul minn tagħlim mistiku għoli u mill-poeżija sublimi tiegħu, li fiha b’lingwaġġ ta’ sbuħija rari esprima l-mixja tar-ruħ lejn l-għaqda ma’ Alla. Il-kitbiet tiegħu baqgħu fost l-ogħla opri tal-letteratura u tal-mistika Nisranija. Il-Papa Benedittu XIII ikkanoniżżah fl-1726, filwaqt li l-Papa Piju XI iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1926.
Dan il-ktieb jiġbor fih il-poeżiji kollha ta’ San Ġwann tas-Salib maqlubin għall-Malti.
“Il-poeżija ta’ San Ġwann tas-Salib tirrappreżenta sintesi straordinarja bejn teoloġija, mistika u arti letterarja. Permezz ta’ simboli, allegoriji u lingwaġġ poetiku raffinat u fin, irnexxielu jesprimi realtà li, min-natura tagħha stess, tmur lil hinn mill-kapaċità tal-ilsien tal-bniedem. Għalhekk, il-kitbiet ta’ San Ġwann tas-Salib jibqgħu mhux biss monument letterarju taż-Żmien tad-Deheb Spanjol, iżda wkoll iqegħduh bħala wieħed mill-ogħla esponenti tal-letteratura spiritwali Nisranija ta’ kull żmien.”


