About us

L-istorja tagħna

Il-bidu tagħna kien wieħed umli, imma ż-żerriegħa li żrajna bil-mod il-mod qed tikber u tinbidel f’siġra.

Aħna nemmnu fil-qawwa li għandu l-ktieb li jibdel in-nies. Il-missjoni tagħna hi li nrawmu xenqa għall-qari billi flimkien mal-awturi noħolqu stejjer u naqsmu ideat li joffru tagħrif, divertiment u ispirazzjoni lill-qarrejja.

In-nies tagħna

Aħna tim ta’ persuni impenjati li ngħinu l-istejjer miktubin jingħataw il-ħajja. It-tim tagħna hu magħmul minn edituri, qarrejja tal-provi, graphic designers u illustraturi. Id-dar tal-pubblikazzjoni tagħna hija involuta fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni tal-ktieb, inkluż l-iżvilupp, il-pubblikazzjoni, l-istampar, il-marketing u d-distribuzzjoni. Dan jinvolvi wkoll kollaborazzjoni mill-qrib mal-awturi fl-istadji kollha tal-proċess.

L-impenn tagħna

Aħna nemmnu li permezz tal-kotba u l-qari qegħdin ngħinu fil-ħolqien ta’ spazju li fih jimirħu l-ħsieb indipenedenti, l-espressjoni ħielsa u l-kreattività. Barra minn hekk, għandna wkoll ir-responsabbiltà soċjali korporattiva li nestendu r-rwol tagħna lil hinn mill-kotba li nippubblikaw.

Aħna nibnu relazzjonijiet mal-awturi tagħna. Aħna qrib il-qarrejja tagħna, kif ukoll lejn is-suq tagħna u l-isfidi li jiffaċċja. U aħna deċiżi li nħaddnu l-isfidi li hemm fil-futur b’kuraġġ u determinazzjoni.

Pubblikaturi ewlenin

Horizons sar wieħed mill-pubblikaturi ewlenin tal-kotba f’Malta, u tul is-snin rebaħ diversi premijijiet f’kategoriji differenti fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-portfolio ta’ pubblikazzjoni tagħna jinkludi kotba minn awturi stabbiliti, bħal Mario Azzopardi, Ġorġ Borg, Charles Briffa, Lina Brockdorff, Lou Drofenik, Victor Fenech, Charles Flores, Audrey Friggieri, Gioele Galea, Albert Marshall, Alfred Massa, Ġorġ Peresso, John Portelli, Rita Saliba, Salv Sammut, Giuseppe Schembri Bonaci, kif ukoll awturi emerġenti bħal Richard Attard, Helen Borg, Michael Cini, Lorraine Galea, Sergio Grech u Stephen Lughermo.

Nirringrazzjaw lill-awturi kollha li f’Horizons sabu d-dar tagħhom, lill-qarrejja tagħna u lil dawk kollha li ħadmu biex għamlu lil Horizons id-dar tal-pubblikazzjoni li hi llum.