Ittri mill-Mitħna Tiegħi (Lettres de mon moulin) hi ġabra ta’ novelli, il-parti l-kbira ambjentati fi Provenza, miktubin mill-kittieb Franċiż Alphonse Daudet (1840-1897), li dehret fl-1869. Daudet, ftit wara li kiteb l-Ittri, kien sar l-aktar rumanzier popolari fi Franza. Alphonse Daudet kien għadu żgħir u kien diġà xaba’ mid-dlam u l-istorbju ta’ Pariġi meta beda jgħaddi s-sjuf fil-mitħna tiegħu f’Fontvielle, “wieqfa qisha farfett kbir” fuq l-għolja fost il-fniek. F’din il-mitħna mitluqa, taħt ix-xemx tisreġ, fil-wied tar-Rhone, twieldu dawn il-ħrejjef immortali li żguraw il-fama tiegħu. Fid-distanza nisimgħu l-ħoss tat-tromba ta’ Monsieur Seguin isejjaħ il-mogħża bajda sabiħa tiegħu. Fl-imsaġar żgħar tal-ballut tas-sufri, is-sottoprefett tmur għajnu bih waqt li jikteb il-poeżija. Fil-ġenna, fejn l-istilel jiżżewġu lil xulxin, il-Kappillan ta’ Cucugnan jgħodd il-parruċċani żvinturati tiegħu. U f’raħal fil-qrib, raħli żagħżugħ imut bl-imħabba għal tfajla Arleżjana kollha bellus u bizzilel. Fis-silenzju tal-Alpilles jew qalb l-istorbju taż-żrażar u tat-tanburlini, dawn il-ħrejjef mimlijin emozzjoni, ferħ u dmugħ jibqgħu friski għal dejjem.
Dawn l-istejjer, miktubin b’ċerta delikatezza, ironija ċajtiera u xewqa għall-ħajja ta’ Provenza, ivarjaw ħafna. Hemm fosthom li huma fantasiji komiċi, bħal Il-Bagħla tal-Papa, fejn bagħla mfissda minn sidha l-Papa żżomm f’qalbha insult għal seba’ snin. Hemm oħrajn ta’ swied il-qalb, bħal
In-Nawfraġju tas-Sémillante fejn jegħreq bastiment mimli suldati sejrin il-Krimea. Oħrajn huma ironiċi, bħal meta ġurnalist li kien iżeblaħ lil kulħadd jinkixfulu s-sentimenti veri tiegħu. Imbagħad hemm ukoll rakkonti mingħajr trama, mimlijin bl-atmosfera tal-post: fix-xitwa, ix-xita traxxax fuq belt Alġerina, il-mewġ iħabbat mal-blat tal-ġzira tas-Sangwinarji …