Il-ktieb, ippubblikat minn Horizons, jindaga r-rabta bejn l-element reliġjuż u t-teatrikalità. Dan hu suġġett oriġinali għalkollox, kemm mill-aspett reliġjuż kif ukoll mil-lat teatrali. It-taqsimiet tal-ktieb janalizzaw aspetti reliġjużi u mistiċi li jokkorru fix-xogħlijiet kbar ta’ awturi bħal Dante, Milton, Shakespeare u Dostoevski, kif ukoll persunaġġi qaddisa bħal Hrotsvita von Bingen, Tereża minn Avila, Juan de la Cruz u Dun Ġwann Bosco.
Verġni Sagri jinkludi wkoll dramatizzazzjoni ta’ skandlu li seħħ fis-seklu sbatax meta Ġiżwita kien akkużat li sseduċa mara li kienet tqerr għandu. Il-ktieb ta’ Azzopardi jorbot flimkien b’mod organiku aspetti soċjopolitiċi, psikoloġiċi, kulturali u reliġjużi fl-Ewropa miż-żminijiet tan-nofs sas-seklu għoxrin. Kien l-uniku ktieb bil-Malti fil-Kategorija tar-Riċerka Umanistika għall-edizzjoni tal-Premju tal-Ktieb tal-2014. L-iskop, jgħid l-awtur, kien li jitwassa’ l-lingwaġġ speċjalizzat bil-Malti f’qasam li żgur mhux esplorat biżżejjed u li jsostni l-istudji teatrali f’pajjiżna.