Stħajjel ruħek f’Karnival Malti tal-imgħoddi, b’ħarstek issegwi l-maskri grotteski u ż-żuffjett brijuż ta’ madwarek. Bla ħsieb ta’ xejn, għandek imnejn tisma’ kuntratt bit-titlu “Żwieġ la Maltija” qiegħed jitħabbar minn nutar. Il-kantuniera mnejn ġej il-leħen tal-manifk issir il-lok fejn id-diskors burlesk dwar iż-żwieġ jiltaqa’ mad-dehra grotteska tal-maskarati għaddejjin fit-triq, biex flimkien dawn isiru karikatura waħda li testendi mill-aspett viżwali tal-Karnival saż-żuffjett imleħħen tal-qarċilla.
Dan hu ġeneru ta’ reċtar burlesk li jagħmel għors sħiħ bil-pretensjonijiet tan-nutar, bil-kruhat fiżiċi tal-għarusa, saħansitra bil-faqar, bl-ingann, u bil-piki tal-popolin. Hu ġeneru li ma jaħfirha lill-ebda mill-isterjotipi Maltin ta’ żmienu, hi x’inhi l-provenjenza soċjali tagħhom. Bħalma tagħmel l-okkażjoni sħiħa tal-Karnival, il-qarċilla tlibbes maskra grotteska lil kulħadd biex iddarri lill-komunità tinża’ l-maskri l-oħra kollha tagħha ta’ matul is-sena, ħalli b’hekk il-kotra titgħallem tidħak bl-ipokriziji tagħha stess.
Bl-istħarriġ paċenzjuż ta’ riċerkatur li verament ħabb is-suġġett tiegħu, Conrad Fenech irnexxielu jeskava mhux biss id-dokumenti li fadlilna tal-qarċilla, iżda wkoll dan l-ambjent kulturali sħiħ li fih nibtet u għal xi żmien għexet din l-għamla ta’ produzzjoni. Bl-assoċjazzjonijiet interessanti li skopra fl-etimoloġija tal-kelma “qarċilla”, bid-deskrizzjoni tal-imġiba tipikament goffa tal-karattri, bi stħarriġ interessanti tal-mekkaniżmi burleski u vulgari tal-ġeneru nnifsu, Fenech idaħħalna mill-ġdid f’għamla ta’ divertiment grottesk li donnu qiegħed jitlob biex jerġa’ jingħata l-ħajja. It-teżi tal-B.A. (Unuri) fid-Dipartiment tal-Malti li fuqha huwa bbażat dan ix-xogħol tixhed kif ir-riċerka ta’ student iddedikat tista’ tkun l-ewwel pass lejn pubblikazzjoni akkademika tassew oriġinali u rigoruża fit-trattament tas-suġġett tagħha.
Dr Bernard Micallef, Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Università ta’ Malta