Ġabra ta’ Intevisti ma’ Artisti Maltin
Artisti mill-Qrib huwa ġabra ta’ intervisti li Laurence Mizzi kien għamel ma’ għadd ta’ skulturi, pitturi u ċeramisti, fil-biċċa l-kbira tagħhom stabbiliti u magħrufa, uħud minnhom anke barra minn Malta. Dawn l-intervisti kienu dehru f’Il-Ġens bejn l-1988 u l-1997.
Minn dawn l-intervisti joħroġ tagħrif mhux biss dwar il-ħajja tal-artisti iżda wkoll dwar xogħlijiethom u għalhekk huma ta’ interess kemm mil-lat bijografiku kif ukoll minn dak artistiku u kulturali.
Mizzi huwa wkoll awtur ta’ kotba, għadd minnhom dwar it-Tieni Gwerra Dinjija u Malta fosthom “Dħaħen tal-Gwerra”, “Maltin fil-Gwerra”, “Għall-Ħolma ta’ Ħajtu” u “Il-Knisja u Malta fil-Gwerra.”
Fost pubblikazzjonijiet oħra hemm “Inkwiet u Qaddisin”, “Mill-Arkivju ta’ Ħajti” u “Ħsad fil-Ħarifa.”
Għal aktar minn 50 sena Laurence Mizzi kien attiv ħafna fil-qasam tax-xandir. Kiteb radjudrammi, teledrammi u dokumentarji għar-radju u t-televiżjoni.