F’Settembru tal-1939, Adolf Hitler (1889-1945) attakka l-Polonja u kien kaġun li d-dinja tgħaddi mit-Tieni Gwerra Dinjija li baqgħet sejra sitt snin sħaħ.
Matul dawk is-snin id-dittatur Ġermaniż wettaq ħruxijiet tal-waħx kontra l-ġens Lhudi. Min ma semax bil-kampijiet tal-konċentrament u bil-Ghettos fejn eluf ta’ rġiel, nisa u tfal Lhud iltaqgħu mal-mewt!
Kienu bosta dawk, l-aktar Lhud-Pollakki, li ppruvaw jaħarbu biex jeħilsu mill-kefrija Nażista. Kien hemm min irnexxielu u kien hemm min le.
F’dan ir-rumanz Alfred Massa, barra milli jagħti tagħrif dwar ċerti tradizzjonijiet tal-ħajja Lhudija, joħloq storja interessanti dwar ġemgħa ta’ ħames familji, immexxija mir-Rabbi Jacob li ħallew djarhom u marru jsibu kenn ġo waħda mill-foresti kbar li jinsabu fil-Polonja, pajjiż li skont ma jingħad 30 fil-mija minnu hija art forestali.
Bħal dejjem interessanti t-tmiem ta’ din il-ġrajja.