Bil-pubblikazjoni ta’ dawn l-erba’ drammi għat-tfal u ż-żgħażagħ qed jimtela vojt li ilu jinħass, l-aktar fl-iskejjel fejn tidħol l-attività tad-drama. L-ewwel tliet drammi kienu dehru għall-ewwel darba fis-Sagħtar, ir-rivista għall-iskejjel, fl-1971, inħadmu f’bosta skejjel, u għadhom relevanti sal-lum.
Huma drammi b’element qawwi ta’ fantasija, b’tagħlima siewja f’kull wieħed minnhom. Jekk It-Tulipan l-Iswed jittratta l-kruha tad-diskriminazzjoni soċjali, Matti jitkellem favur l-ambjent naturali Malti u l-isfreġju tiegħu bi żvilupp esaġerat.
L-Għanja tal-Weraq ilaqqagħna mal-ġmiel dejjem jiġġedded tal-istaġuni, hekk kif il-weraq tal-ħarifa u tar-rebbiegħa jiddibattu l-merti rispettivi. L-Għanja tal-Pasturi, miktub aktar tard, fl-1983, hu dramm ferm addattat għal żmien il-Milied. L-awtur jieħu din il-ġrajja unika u jdawwarha fi sfond Malti u jlaqqagħna wkoll ma’ drawwiet lokali li xi wħud minnhom qed jintilfu mal-mixja taż-żmien.
Joe Friggieri dejjem fittex li jilħaq firxa wiesgħa ta’ qarrejja fix-xogħlijiet tiegħu. L-Istejjer tar-Ronnie kiseb popolarità kbira fost l-istudenti u l-għalliema tal-iskejjel privati, waqt li waħda mill-istejjer miġbura fil-ktieb Ħrejjef għal Żmienna ntgħażlet biex tagħmel parti minn diversi antoloġiji.