“Bi prontezza aneddotali mill-aktar elevata, Rita Saliba terġa’ ssallabna b’ġabra ġdida ta’ stejjer mhux tas-soltu. In-narrattiva ta’ Rita f’din il-ġabra tinstema’ miġjuba minn latmija misterjuża li hi biss taf it-triq lejha. F’dawn il-kronaki, Rita tħit il-konkret mal-immaġinattiv, jew dak li tħoss ma’ dak li josservaw għajnejha, sabiex ittina ġrajja oriġinali li ma nafux lil min seħħet jew fejn seħħet, hux f’rasha jew fl-anfiteatru tal-ħajja. Imma l-akbar mistoqsija ta’ tkissir ir-ras hi: għaliex seħħet?
Bla ma jrid, il-qarrej isib ruħu mkebbeb fir-rakkont diefi ta’ Rita li l-ħin kollu jerħi klima u rwejjaħ minn wara s-siparju tal-memorja ħobla u mutraba. Il-mistħajjel, terġa’, aktar tat-twemmin mir-realtà attwali. Filwaqt li Saliba żżomm saqajha fermi fuq l-assi orizzontali tal-invarjabbli u l-loġika tal-ħajja, l-immaġinazzjoni tagħha tirrifjuta l-loġika kollha, għalkemm tieħu l-materja prima mit-temi ewlenin u t-tikketti tal-ħajja. It-test tagħha mhux alternattiva għall-ħajja iżda skambju parallel mal-ħajja nnifisha.”
Walid Nabhan, rebbieħ tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura 2017
“Rita Saliba tikteb l-awtentiku u l-kuljum. Tikteb l-ilma li nixorbu wara l-ikel u l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda. Il-kliem ittellgħu minn ħażna ta’ kliem bojod u suwed, u ttih il-kulur tagħha. U kultant tħallih lewn il-boċċi tal-kamla wkoll. Għax fil-kitba tagħha hemm l-istejjer antiki riħa ta’ gazzetti li jiltaqgħu mal-fantasiji skomdi. Hemm linja fina bejn tfal u kbar – f’dawn l-istejjer it-tfal isiru ftit kbar, u l-kbar isiru ftit tfal. Dawn huma l-karattri li jispuntaw minn imkien u jeħduna xi mkien. Dawn huma, fost l-oħrajn, in-nisa li nafu u li f’dawn l-istejjer isiru tikka iktar speċjali għax il-ħajja ta’ kuljum jitfgħulha doża ta’ stramb, kif għandu jkun.”
Leanne Ellul, rebbieħa tal-Premju Letteratura għaż-Żgħażagħ 2013-2014