Dan il-ktieb jipprova jislet tagħrif meqjus mill-kultura lingwistika tagħna sabiex jifrex quddiemna l-lingwa bħala wirt. Jista’ jittieħed bħala vjaġġ fil-kultura tal-lingwa. L-awtur jgħarrex fil-bogħod u fil-qrib ħa jsawwar xi ġrajjiet ta’ kliem u espressjonijiet li jgħinuna nilmħu xejriet mill-mentalità tagħna llum u tal-antenati tagħna – dawk li newlulna lingwa li tifrixilna skrin ta’ dehen f’tiswiriet mentali. Din il-ħidma teħodna fil-livelli kollha lingwistiċi, fil-pragmatika tal-lingwa, fl-etimoloġija, fil-lessikografija, fl-istilistika, u fl-antropoloġija.
Il-lingwa taf tikkondizzjona l-mod kif inħarsu lejn id-dinja tagħna, imma nifhmu wkoll li r-relazzjoni taf tmur fid-direzzjoni opposta l-aktar meta nilmħu l-effett li s-soċjetà jkollha fuq il-lingwa. Għaldaqstant, f’dan il-ktieb naraw kif il-lingwa tinfluwenza l-ambjent u fl-istess ħin kif l-ambjent jinfluwenza l-lingwa – hawn qed nitkellmu fuq l-ambjent uman. Il-proġett ta’ Il-Ġrajja Ssir Kelma jagħraf ukoll li bidla soċjali u bidla fiżika jafu jġibu bidla lingwistika li tikkorrispondi magħhom. Ma’ dan irridu nżidu (biex niċċaraw il-proċessi fil-koktejl lingwistiku tagħna) li l-valuri tas-soċjetà kontemporanja jistgħu wkoll iħallu xi effett fuq il-lingwa. Fi kliem ieħor, f’dan il-ktieb naraw kif il-lingwa taħdem fuq is-soċjetà u kif is-soċjetà taħdem fuq il-lingwa.
Għaldaqstant ir-riċerka fuq ir-relazzjoni bejn il-lingwa u l-kultura għandha approwċ transdixxiplinarju u tistenna li skulari tal-affari tagħhom jagħtu kasha u, fejn jistgħu, jibnu fuqha. F’dan il-qasam, il-ħsieb huwa dinamiku fis-sens li l-għarfien irid ikun il-ħin kollu nnegozjat (u jekk ikun hemm bżonn, ukoll irrinegozjat) minn ġenerazzjoni għal oħra, minn żmien għal ieħor, u skont il-kuntatti bejn il-komunitajiet tat-taħdit.
Dwar l-awtur
Il-Professur Charles Briffa għallem it-traduzzjoni u l-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Kiteb u tella’ bosta programmi fuq il-lingwa għax-xandir u ppubblika ħafna studji fuq il-lingwa, il-letteratura, u t-traduzzjoni, u rebaħ bosta premjijiet letterarji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Dan il-ktieb huwa silta oħra mill-proġett tiegħu ta’ riċerka fil-lingwistika kulturali – erja multidixxiplinarja li tgħarrex ir-rabta bejn il-lingwa u l-konċettwalizzazzjoni kulturali.