Fiċ-ċentru ta’ dan ir-rumanz hemm il-mentoring, ibbażat fuq ir-rispett u l-gratitudni, kunċetti li mhux dejjem huma tanġibbli imma żgur li jinħassu.
Il-mentoring mhux mistenni mmexxi minn Katsumoto 先生 lil Patricia huwa wieħed li jmexxiha biex tilħaq l-għanijiet akkademiċi tagħha, u iktar lil hinn. Tul is-snin sħaħ ta’ studju fl-Università, Katsumoto 先生 sfidaha kemm-il darba lil Patricia. Għalkemm l-istudju tal-lingwa Ġappuniża kien diffiċli ħafna, l-appoġġ li Katsumoto 先生 dejjem ta lil Patricia, minn dak ’il bogħod kollu, kien dejjem milqugħ bil-qalb minnha u dejjem baqgħet tapprezzah.
Fir-relazzjoni akkademika li żviluppat, il-ħiliet lingwistiċi ta’ Patricia baqgħu dejjem jiżviluppaw. Ġieli bdiet tiddubita mill-abbiltà tagħha. Imma għelbet kull sfida, għax dejjem kien hemm dak il-leħen kalm ta’ Katsumoto先生 jidwi f’moħħha u jimbuttaha għal aktar … がんばれ (ganbare), Patricia san!
Mingħajr il-gwida u t-tmexxija ta’ Katsumoto 先生, flimkien mal-inkoraġġiment u l-appoġġ tiegħu, hija kemm-il darba kienet tistaqsi lilha nnifisha jekk kenitx qatt se tirnexxi, anke fil-professjoni tagħha ta’ għalliema. U meta tirrealizzaha din, Patricia dejjem tħoss gratitudni qawwija u dejjiema għal dik l-opportunità li ġiet ippreżentata lilha dawk is-snin twal ilu meta ltaqgħet ma’ Katsumoto 先生.