Charles, kif nafu jien, kien bniedem sieket, mistħi u riservat iżda kien jinkedd quddiem l-inġustizzji. Huwa ma kienx jaċċetta li n-nies li qegħdin fit-trufijiet tas-soċjetà jintrifsu. Bil-kitba tiegħu mingħajr kantunieri u bl-involviment tiegħu fil-qasam soċjali kien vuċi għall-fqir u l-batut. Imbierek min jiġi fid-dinja u jħalli xi ħaġa sabiħa warajh.
Mons. Victor Grech
Dan il-ktieb nibet mix-xewqa tagħna li nimbuttaw l-aġenda tal-ġustizzja soċjali, filwaqt li niċċelebraw il-ħajja ta’ wieħed mill-akbar promoturi tagħha. Charles Miceli, kebbies tal-fanal tal-ġustizzja soċjali, mhux biss dawwal lil ħaddieħor bi kliemu u kitbietu, iżda wkoll, b’mod mill-aktar konkret, xegħel ix-xemgħa tat-tama f’ħafna nies li ġew bżonnu personalment jew gawdew mill-attiviżmu soċjali tiegħu. Il-ktieb hu tifkira ta’ dan kollu.
Carmel Borg u Michael Grech