L-isem ta’ dan il-ktieb, Numina, jagħtina ħjiel kif is-sens tad-divin fin-numen ma ssibux f’xi figura primordjali li torbotna ma’ sens ta’ bidu mitluf. In-numen (singular) huwa ħafna, mhux wieħed jew waħda. F’din il-pluralità, hemm eternità ta’ kulma jsir possibbli. B’hekk in-numina (plural) issibhom fid-divin li huwa preżent, u l-preżent huwa sew bikri u kif ukoll ġejjieni.
John Baldacchino
Inħoss li f’dil-ġabra, il-poeta qed ifittex li jsib wens fil-kenn mill-ħamba tal-kliem kollu, li fl-aħħar mill-aħħar mhux għajr kliem fieragħ. Kliem li fil-milja tat-tmejjil tiegħu, imma saħansitra fis-sewwa li jlissen, iqarraq bil-ħalq stess li jleħħnu u li fl-aħħar nett, dejjem ma jkunx għajr kliem li jostor u jaqfel f’għoqda l-illimiti numinali tal-għarfien sħiħ u sieket; u sieket u tqil, mimli u jfur, b’hena liema bħalha.
Michael Zammit