“U huwa sewwasew dan li jseħibna fih Patrick Sammut f’din il-ġabra ta’ rakkonti, ġabra li taf personaġġi varji bit-tribulazzjonijiet u ċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom, ambjenti li jitkellmu jgħajtu u jitolbuna biex inħarsu lejhom mingħajr ma niddisagrawhom, għelieqi li fihom aħna nistgħu nissieħbu b’saħħa u enerġija biex b’hekk ir-rakkont jagħti ħajja oħra lil din l-istess realtà ta’ madwarna.
U dan kollu jagħmlu bi stil mexxej, ħarkien u dirett. B’ritmi ta’ kitba li jorbtu tajjeb u b’saħħa mal-kontenut li jkun qiegħed jitkellem dwaru. B’lingwaġġ li jorbot b’saħħa u ħila l-ideat hekk kif iġonġi ħsieb ma’ ieħor, deskrizzjoni ma’ oħra, kumment ma’ ieħor. Bħal regola huwa jħalli l-istorja tmexxi hi, għalkemm hemm waqtiet fejn il-persona tinbidel, u għaldaqstant jinstemgħu ‘vuċijiet’ varji f’din in-narratoloġija.”
(Mid-Daħla ta’ Tarċisju Zarb)