Minsi fuq wara nett tal-klassi, Marwan ma setax ma joħlomx b’Yarmouk. Jisħet dakinhar li tqaċċat minn għeruqu biex sab ruħu f’pajjiż mhux tiegħu, fi skola mhux tiegħu, ma’ ħbieb li mhux ħbiebu. Id-dar hemm ommu. Ommu biss il-ħolqa waħdanija ma’ tfulija li ntemmet ħesrem biex firditu mill-bqija ta’ familtu. Imma xi darba jmur lura. Xi darba jmur lura żgur. U jbiddel kollox, isewwi kollox u jsikket lil dan-nies li ma jagħmlu xejn ħlief jarmuk.
Minsija fuq quddiem tal-klassi, Chanelle ma setgħetx tikkonċentra. Moħħha jhewden fuq elf ħaġa: x’se ssajjar għall-pa u għan-nannu? Tgħid tilħaq tlesti load ħwejjeġ b’dal-homework u testijiet? U dak in-nofs ras ta’ Darren x’ħin se jiġi… jekk jiġi? Id-dar ma hemmx ommha. Għax ommha telqet biex qaċċtet il-ħolqa waħdanija ma’ tfulija li ntemmet ħesrem. Imma għandha l-kotba u l-istudju. Xi darba għad jeħilsuha minn dal-ktajjen. U tbiddel kollox, issewwi kollox u tagħlaq il-ġerħa ta’ żgħożija mormija.