Wara li temm il-karriera twila tiegħu fil-qasam tax-xandir, Laurence Mizzi beda jagħti sehmu fil-ġurnaliżmu bil-kitbiet tiegħu fil-ġurnal tal-Knisja Il-Ġens. F’dan il-qasam huwa kien jintervista regolarment għadd ta’ Maltin u Għawdxin, ħafna minnhom – għalkemm mhux kollha – nies prominenti li għamlu isem f’xi qasam partikolari, fosthom dak politiku, soċjali, reliġjuż, artistiku, mużikali u letterarju.
Wara l-pubblikazzjoni tal-ġabra ta’ intervisti li kienu saru ma’ pitturi, skulturi u ċeramisti, bl-isem ta’ Artisti mill-Qrib fl-2015, Horizons issa qed jippubblikaw ġabra oħra ta’ intervisti li kienu dehru f’Il-Ġens, din id-darba ma’ mużiċisti, kantanti, kompożituri u diretturi, bl-isem ta’ Mużiċisti mill-Qrib.
Bħall-artisti, dawn il-mużiċisti, li wħud minnhom saħansitra għamlu isem anke barra pajjiżna, jitkellmu mhux biss dwar il-karriera mużikali tagħhom u l-kontribut li taw, u xi wħud għadhom jagħtu, iżda wkoll dwar aspetti oħra tal-ħajja personali tagħhom u ta’ pajjiżna. Dan ikompli jżid mal-interess li s-suġġett fih innifsu jqajjem. Aktar minn nofs l-intervistati llum ma għadhomx magħna. Iżda l-preżenza tagħhom, bħal dik ta’ dawk li għadhom fostna, għadha u tibqa’ tinħass bil-kontribut kbir li taw, u xi wħud għadhom jagħtu, fil-qasam mużikali.