Din hi l-ġrajja tal-poeta Carmel Attard li l-Letteratura Maltija għadha ma sabitlux in-niċċa li tixraqlu. Attard għadda ħajja mimlija tbatija mentali minħabba saħħtu, u minħabba stigma soċjali kiefra.
Din hi l-ġrajja ta’ bniedem-poeżija, ġwejjed u qalbieni, li ried jgħix hieni f’soċjetà li ma aċċettatux dejjem kif kien u fuq kollox ma ħallitux isib l-imħabba bl-għażliet intimi li ried jagħmel.
F’din il-bijografija, il-ħabib tiegħu Paul P. Borg jimxi miegħu sa mit-tfulija fil-bitħa tal-Mużew, u jikxef għall-ewwel darba l-umanità fid-dramm tal-ħajja f’Sant Anton, f’tifel ta’ tmien snin, fis-salott id-dar, fit-toroq tal-Qawra u ta’ Ħal Balzan, u fl-Isptar Monte Carmel.
Paul P. Borg b’hekk juri kif sieħbu Carmel Attard l-poeżija mhux kitibha imma għexha b’intensità kbira.