Maria Camilleri, il-mara altruwistika li b’ġentillezza kbira f’kull ħin opportun tagħtu spazju lil kittieba kemm stabbiliti u kemm emerġenti għadha kemm ħarġet pubblikazzjoni ta’ ġabra ta’ novelli.

Din id-damma ta’ novelli fiha 23 storja bi stil mexxej, bi kliem sempliċi, sabiħ għax nieqes mill-bombastiċità ta’ Malti taljanizzat jew bi tkissir ta’ kliem Ingliż għal Malti. L-istil ta’ dawn l-istejjer huwa msejjes fuq ġrajjiet qosra f’dawk li huma għadd ta’ paġni u paragrafi mhux daqstant twal u fejn dan huwa hekk, hemm asterisks biex jifirdu silta minn oħra. B’dan il-mod, il-qarrej ma jiddejjaqx jgħaddi minn paragrafu għal ieħor jew minn paġna għal oħra tal-istorja li jkun imiss. Uħud minnhom huma miktuba fl-ewwel persuna biex hekk il-qarrej jidħol aktar fl-fond u bħal donnu qed jieħu sehem fil-ġrajja. Minbarra dan, hemm minnhom li huma tassew oriġinali u avventuriżi. Dawn l-elementi kollha jagħmlu l-qari rilassanti u fl-istess waqt interessanti.

Fattur ieħor huwa li fit-temi li għażlet Maria hemm varjazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li juru kemm il-kittieba għandha maturità ta’ esperjenza fil-ħajja ta’ kuljum. Pereżempju, taf tkun umoristika b’battuti niggieża bħalma nsibu fin-novella Bir-Rixa b’kollox fejn Karmelina, sforz l-antipatija li kellha għal Martina u lejn bintha Klara, tgħid lil żewġha “U ara x’qed ngħidlek, jekk xi darba naraha fuq l-altar tagħmel il-wegħda taż-żwieġ ma’ xi ġuvni bil-għaqal, jien lesta niekol dal-kappell li għandi f’rasi. Bir-rixa b’kollox!” Titnissel tbissima fuq fomm il-qarrej meta jasal it-tmiem ta’ din in-novella.

Imbagħad wieħed isib il-kruha tal-ħajja fin-novella Familja Waħda fejn Maria turina li fl-eżistenza umana mhux dejjem u mhux kollox huwa lixx, ward u żahar. Hemm ukoll is-sitwazzjonijiet taċ-ċaħda, tas-solitudni, tal-abbandun u ta’ ribeljoni. Hekk f’paġna 44, il-qarrej jaqra: “Jien jaħasra, kont inżommha bil-qalb kollha, imma d-dar bilkemm għandna fejn induru aħna.” Jew aktar ’l isfel “Povra tifla! Bla missier u issa bla omm ukoll! Nixtieq inżommha magħna jien, imma dak li ndaħħlu minn dak in-naqra ta’ ħanut li għandna bilkemm iservi għalina!” Iżda fl-aħħar tal-ġrajja, Maria, b’ton pożittiv turina li wara kollox, ix-xemx dejjem tixref wara s-sħab sewdien: “Sibthom meta kont qed negħreq fid-dwejjaq, tawni t-tama meta kont tlift il-fiduċja f’kollox u f’kulħadd, u issa jmiss lili biex inħallas lura ftit mid-dejn li għandi lejhom.

Novella sentimentali ħafna fejn fiha Maria turi l-istint maternistiku jinsab fin-novella Hemm post għal Michael. Għalkemm il-karattru ewlieni ma kinitx omm, xorta waħda bħala nanny ħabbet b’imħabba ta’ omm lill-iben tas-sinjuri li kienet taħdem magħhom. Min-naħa tiegħu, Michael irroċiproka din l-imħabba b’oħra daqstant ġenwina.

Maria Camilleri hija mara u fl-istess ħin hija omm u għalhekk ma jonqosx li f’uħud minn dawn in-novelli ma jkunx hemm l-element femminili jew maternalistiku. Għal dan il-għan, Maria ħalliet l-aħħar novella Ommi biex turina kif minkejja li l-bint ftit kienet iġġib lil ommha, b’danakollu fl-aħħar l-istint femminili tal-omm u l-bint jirbaħ kull stint ieħor.

L-aħħar kumment li rrid nagħmel huwa dwar il-qoxra ta’ din id-damma ta’ novelli. L-isem tagħha huwa l-istess isem ta’ waħda min-novelli li l-qarrej isib f’paġna 135. Għalkemm din in-novella hi kemxejn twila aktar mill-oħrajn, xorta waħda hija intriganti. Fiha sens ta’ misteru jdawwar il-karattru tas-sinjura li toqgħod fuq il-pultruna titbandal bir-ritratt ta’ binha f’idha. B’mod simboliku ħassejt u interpretajt li l-bandla li tidher fil-qoxra u fl-istorja bħala l-bandla tal-ħajja li daqqa titbandal ’l quddiem u daqqa lura skont iċ-ċirkustanza u s-sitwazzjoni tal-individwu. Imma din hija biss fehma tiegħi.

F’din il-ġabra ta’ novelli, Maria Camilleri wriet li hi bniedma b’sentimenti sbieħ, reali, emozzjonali u nieqsa mill-artifiċjalità li xi drabu nsibu f’kitbiet ta’ kittieba inqas maturi. Għaldaqstant, min iħobb letteratura sabiħa msejsa fuq ġrajjiet reali li jistgħu jseħħu ta’ kuljum, m’għandux ma jiftaħx dan il-ktieb u jaqra, jixtarr u japprezza l-kontenut tiegħu kemm bħala kitba letterarja imma wkoll bħala waqtiet ta’ rilassament.

 

Salv Sammut

29/12/2020