Aktar stejjer b’San Ġużepp fi ħsiebi u f’qalbi

Kumment Tarċisju Zarb

 

U n-narrattiva titkellem tgħajjat. Hija dik it-tip ta’ narrattiva li tgħidilna l-istejjer. Stejjer diretti. Sempliċi. Stejjer li jafu lili u lilek. Anke meta dawn ma jiġux mistqarra, kelma b’kelma. Għax in-narrattiva hija aħna.

 

U San Ġużepp, insemmi jew mhux qiegħed hemm. Qiegħed jismagħna. Qiegħed jgħidilna li huwa qiegħed hemm biex isostnina  u jgħinna f’dal-itinerarju li nsejħulu ħajja. Għaliex San Ġużepp mhuwiex ħlief esseri mistiku, li miegħu aħna nistgħu nirrelataw fil-ħinijiet intimistiċi tagħna, hekk kif ngħaddu minn tributarju għal ieħor. Minn waqt ta’ inċertezza, diqa, sussult għal ieħor.

 

U dan huwa sewwa sew li jagħmel Joe Camilleri, awtur li kapaċi jiġbor fil-vuċi narrattiva, uċuh u esseri varji li jgħaddu minn waqtiet għal waqtiet għal waqtiet, li fihom ikollhom il-ħtieġa ta’ sostenn spiritwali. Emozzjonali. Ta’ min lil hinn mill-istorja tiegħu/tagħha, irid isib persona/vuċi li magħha huwa jkun jista’ jaqsam dan it-travalju. Dawn il-waqtiet li jeħtieġu minnhom infushom lil xi ħadd fuq min jorbtu.

 

U San Ġużepp, f’dawn in-narrattivi, jidħol u jixref ta’ sikwit. Huwa ’l San Ġużepp li joffri l-ħajt tal-kenn – ħajt tal-kenn uniku – ir-rifuġju arketipiku għal dal-passiġġieri li niltaqgħu maghom għaddejjin f’dawn in-naħiet ta’ daw’ il-kontradi, naħiet, li ħafna drabi, aktarx iva, milli le, ikunu naħiet li jkunu jeħtieġu lil min jgħinhom. L-għajnuna hawnhekk hija għajnuna fl-intimità tal-individwu, il-koppja, il-ġemgħat li jħossuhom li għandhom jitolbu lil dan il-qaddis, li kif nafu wkoll huwa qaddis li jagħmel parti intima mill-glorja tal-qaddisin, u li aħna nsibu ruħna nirrikorru għalih, bil-vuċi / kif ukoll bla vuċi ta’ sikwit, fil-ħajja tagħna.

 

U Joe Camilleri, ta’ ħassieb-narratur uniku, jagħraf jidħol sewwa sew f’qiegħ il-personae tiegħu, li f’qiegħ qiegħhom iħossu l-ħtieġa tal-medjatur Ġużeppi – medjatur li jġib il-balzmu fej’ jinħass li m’hemmx tama. Personae li tul ħajjithom, b’xi mod jew ieħor, f’waqtiet, b’mod speċjali ta’ qtigħ il-qalb ħassew il-ħtieġa li jirrikorru għalih. U jiġri, li aktarx iva, milli le, San Ġużepp jirrisolvi, jekk xej’ fuq livell intimu-spiritwali, l-angst, it-tbatijiet, in-nuqqasijiet, il-mard u l-bqija li aħna nsibu ruħna matul ħajjitna.

 

U dawn t’hawnhekk huma ftit minn daw’ ir-ritratti ta’ dawn l-istejjer, stejjer li bl-istil mexxej ta’ Camilleri, m’hemmx dubju li jaslu biex jaslu fejn għandhom jaslu fil-profond ta’ kull qarrej li jagħtihom ċans jinstemgħu.

 

Hekk, ngħidu aħna, “Kartolina ta’ Tama” (p.15) tlaqqagħna ma’ koppja li kellhom tarbija li batiet u batiet ħafna, u huma magħha,  imma fl-istess ħin jidher li deher iċ-ċans ta’ fostering, li għal din il-koppja, devota sa qiegħ ruħha ta’ San Ġużepp, setgħet tara, kif anke hi, minkejja t-tbatija li kienu għaddew minnha, issa setgħu jgħaddu għal dan il-patt.

U sadattant nisimgħu karattru minn dawn in-novelli jgħid: “Jien twelidt u trabbejt il-Qala. San Ġużepp kien jorqod u jqum magħna. Fit-tislima li konna ntuh qabel norqdu, u fit-talba li konna ngħidulu kif niftħu għajnejna. San Ġużepp baqa’ dejjem f’qalbi.” / Leħnu miksur issokta jħeġġiġni, “Ħudu. U ibqa’ għożżu għalija.” / U b’xofftejh jirtogħdu, mnn qiegħ qalbu tefa’ bewsa lil San Ġużepp.”  Din is-silta meħuda min-novella “Gwarniċ li mhux tas-soltu” (p. 37) għal darb’oħra turina kif San Ġużepp kellu sehem fil-ħajja ta’ xwejjaħ li ħeles mill-għarqa u kif dan sab ruħu mfakkar fi gwarniċ.

 

“Kellha tkun daqqa” (p.79), min-naħa l-oħra hija storja traġika bi tmiem feliċi, hekk kif bniedem mitluf wara l-każin, u b’theddida minn martu li kienet se titilqu, jispiċċaw, wara li ‘kellha tkun daqqa’, biex jerġgħu jsibu lil xulxin, b’San Ġużepp jgħin f’dan ir-rapprochement.

 

U t-toqba li nsibu f’ “San Ġużepp b’toqba f’qalbu” (p. 105) mhijiex ħlief it-toqba li San Ġużepp lest iżomm f’qalbu u fl-istess ħin jaħfer u jħenn, tgħidilna din l-istorja, għax dik it-toqba li kien hemm f’sidru ma kinetx ħaġa oħra ħlief toqba li kienet riżultat ta’ min ipprova jisraq minn din l-istatwa, u li spiċċa nqabad mill-pulizija.

 

Novella oħra, “Bħal fl-apsidi tal-knisja tal-Imsida” (p.143) min-naħa l-oħra tgħidilna l-istorja ta’ mara li tilfet lil żewġha qasir il-għomor, sewwa sew f’inċident tat-traffiku, u kif fil-ħajja ta’ dan l-individwu San Ġużepp kellhom post partikolari. U kif forsi, minkejja t-traġedja li temmitlu ħajtu, seta’ kellu temma wisq aktar kiefra minħabba l-marda terminali li kienet qiegħda tistennieh, u li sa mewtu, ħadd ma kien għadu ntebah biha.

 

U flimkien ma’ dawn in-novelli nsibu ħafna u ħafna oħrajn, li lkoll flimkien jagħmlu għoxrin novella, li lkoll jixorbu minn dan il-fluss narrattiv kreattiv ta’ personaġġ-kittieb b’għajnejn għarriexa għal dak li jkiddna, isawwarna u jagħtina t-tama.

 

Ta’ min jgħid ukoll li l-unità tematika ta’ dawn in-novelli, turina li għal Camilleri l-kitba tan-novella hija tiftixa kontinwa għal fdalijiet varji ta’ stejjer, aneddoti u avventimenti, li lkoll flimkien jagħtuna b’mod koeżiv u koerenti xi tip jew ieħor ta’ qagħda ta’ ruħ, ispirazzjoni, sens ta’ waqt, żmien jew għoġba.  U dan Joe Camilleri, jagħmlu permezz ta’ dawn l-istejjer li jintħietu flimkien b’enerġija narrattiva unika. B’sempliċità narratoloġika, ta’ kittieb li ħakem stil ta’ kitba, li filwaqt li dejjem issibu jirfinah, imma l-istess ħin, jidher ukoll li dan hu parti mill-istil idjosinkratiku ta’ kittieb, li mhux biss għandu ħakma tal-ilsien, imma wkoll, tan-nozzjoni mistħarrġa, u l-aspetti soċjo-psikoloġiċi-reliġjużi tal-ambjent li jkun qiegħed jiddeskrivi.

 

Għal darb’oħra, għaldaqstant nissuġġerixxi li dawn l-istejjer mhux biss għandhom jinqraw, imma jsiru, għallinqas xi wħud testi li bihom u permezz tagħhom, it-tfal tal-lum, jidħol fil-profond ta’ ethos ta’ kitba unika.

 

Ħajr lil Joe Camilleri li matul meddet is-snin tana kotba oħra fosthom: Solitudni fl-Folla, Fir-rokna tas-silenzju; Żwiemel tar-riħ; Mużajċi tat-tafal; Ir-raġel tas-skiet; Dwal fil-kantini; L-eku tal-ħabbata; Faċċati; Reffiegħa tad-delligħiet.

 

Ħajr ukoll lil Horizons.