Bejn il-Binarji (Malta: Horizons, Novembru 2022) ta’ John P. Portelli

Minn: Walid Nabhan

 

Lil John P. Portelli nsejt meta u fejn iltqajt miegħu. Abbli ltqajt miegħu permezz tat-tieni ġabra tal-poeżija tiegħu Taħt iċ-Ċirasa qabel iltqajt miegħu wiċċ imb wiċċ. Kien saħħarni bl-umiltà u s-sens ta’ umur tiegħu li ma jaqtgħu b’xejn. Imma l-aktar li saħħarni bil-ħażna lingwistika li għandu avolja ilu qrib nofs seklu jgħix barra x-xtut ta’ Malta. Ma nkun qed nikxef sigrieti xejn jekk nistqarr li bdejt naħfen b’idejja t-tnejn minn-nexxiegħa lingwistika tiegħu.

Wara ftit ħbiberija skoprejt li ninsab quddiem qama litterarja enormi li pajjiżu stess mhux japprezzah u abbli mhux se japprezzah qabel mewtu, kif jixraqlu intellettwali ta’ dan il-kobor.

Portelli ilu snin twal iħażżeż poeżija minn qiegħ ruħu ttormentata. Imma dan l-aħħar din ir-ruħ ittormentata donnha żbruffat bil-maġija qisu għandu urġenza trid toħroġ, bis-sewwa jew bid-dnewwa. Kliemu mirqum sew u jleqq aktar mill-ħaġar prezzjuż u l-pirli li joħorġu minn qiegħ il-baħar.

Bejn il-Binarji hija ġabra li tpoġġik quddiemek innifsek. Għax tneżżgħek mill-preżent u tieħdok għarwien quddiem il-passat tiegħek stess. Ta’ min jgħid li Portelli ġab miegħu stil ġdid fil-kitba tal-poeżija Maltija, kemm fid-dinamika u t-tema kif ukoll fil-mużika nterna u l-fluwidità kkaratterizzata b’dak li ngħidlu l-minimaliżmu sempliċi. Uħud mill-poeżiji tiegħu tista’ tmisshom b’dejk u xxommhom fil-pulmun u ssegwi l-għasafar li jpassu ta’ spiss f’din il-ġabra u f’ħafna xogħlijiet oħra minn tiegħu. Mhux se nieqfu ħdejn l-għasafar ta’ Portelli u s-simboliżmu li jistiednu magħhom f’kull poeżija għax dan jinħtieġlu psikoanaliżi metodoloġika u profonda li tmur lil hinn minn din itwettija umli tad-damma poetika ta’ Bejn il-Binarji. Anke it-titlu jinħtieġlu l-istess tip ta’ analiżi.

 

Taru kollha l-għasafar li kienu jgħammru bejn il-qafas ta’ ruħek issa ħawlija

bħal sqaq f’raħal jitniehed il-memorja ta’ tfulitek

tnixxi l-imħabba mielħa,

kuljum tilgħab mad-diqa li ddarras l-univers,

illum hawn u għada hemm,

titwieżen bejn il-binarji;

u inti tistenna li jerġa’ jħobbok

u tibqa’ hekk bħal qabel eżistejt.

 

Ix-xita t’għada tneżżgħek minn kull passjoni

u l-għasafar jitħajru jerġgħu lura

jaqbżu minn binarju

għal ieħor.

 

Il-poeta f’din il-ġabra jerġa’ lura għall-passat riċenti u l-memorji tat-tfulija u taż-żgħożija li jiġuh għal darb’oħra biex jiffurmaw lewn ta’ dwejjaq. Il-passat huwa mdejjaq, kif inhu l-preżent, biex joħroġ f’forma ta’ leħħa poetika ħelwa u stampi ta’ memorjili jinkorporaw l-istat psikoloġiku tal-poeta, minkejja l-lewn ta’ tama li l-poeta jilbes fit-test tiegħu.

Memorji maħruqa

Jaħarqu l-memorji ta’ ġismek samrani mxemmex żmien ilu.

 Fiż-żewwieqa kollox safi

ħlief  għat-tluq tal-ġejjieni mbiegħed.

Jaħarqu sewwa dawn il-memorji

id-dħaħen tagħhom iċajġru l-ħsus rieqda

jitbandlu fuq il-ħabel

i jirmonka ’l ħajtek mal-blata skantata

bħal dari u dejjem.

U inti forsi lesta

biex tagħti l-kolp.

 

Jekk niġu għall-vokabularju u t-terminoloġija, fil-biċċa l-kbira kollu Semitku pur u l-qarrej m’għandux bzonn dizzjunarju b’lingwi oħra biex jifhem il-versi ta’  Potelli li huwa professur veteran tal-filosofija. Xi rridu ngħidu? Irrid ngħid li jidher li l-poeta nduna sew li l-akbar u l-aktar filosofija kkumplikata fil-ħajja ma tridx tidher ikkonvoluta fil-poeżija. Hemm mod u mod kif tixxettel poeżija u żżiegħel biha  mingħajr kliem bambastiku u enigmatiku u mħattab taħt l-umbrella tal-moderniżmu u l-post-modernità.

Forsi xi ħadd jargumenta li l-biċċa kbira mill-vokabularju ta’Portelli huwa skadut u m’għadux jintuża iktar la fl-iskejjel u lanqas fil-ħajja ta’ kuljum, allura dan jiġi kliem mejjet! Fil-fehma tiegħi m’hemmx kliem mejjet jew skadut. Kelma malli tlissinha jew tmissha terġa’ tieħu l-ħajja u r-ruħ u tidwi f’kull rokna u kantuniera. X’jiġifieri kelma obsoleta? Għax biddilnieha b’kelma oħra li timbarazza u ġieli tferi lil din il-lingwa teżor li għandha għeruq li jmorru eluf ta’ snin lura fiż-żmien?

Jekk dan il-fenominu rettil jibda mill-iskola mela ajma qalbi. Għax inevitabbilment ħa jkaxkar sad-dar u jinfiltra t-triq speċjalment jekk il-ġenituri mhux kburin bil-patrimonju lingistiku tagħhom u jpprefeu li t-tifel jgħidilhom ‘horse’ jew ‘cavallo’ minflok żiemel. M’hemm xejn ħażin billi titgħallem għaxar lingwi u naf min, anzi hija xi ħaġa pjuttost rakkomandabbli basta mhux fuq id-debris tal-ilsien tiegħek. Ħaġa normali u pożittiva u inevitabbli li lingwa tissellef minn lingwi oħra inkella tibqa’ kkakkmata u kkalzrata, imma mhux kliem li ġa għandha! Grazzi lil poeti bħal John Portelli u kittieba u ħassieba oħrajn li huma konxji li din il-lingwa tista’ tintradam fi żmien qasir jekk ma niħdux ħsiebha billi taqbad il-mikliem Malti u tħaddem il-kelma Maltija preċiża u ġenwina.

Dawn poeżiji jħajru lill-qarrej biex jersaq lejn id-dinjiet tal-poeta u jiġbduh biex ifittex il-komponenti tat-test u l-ispeċifiċitajiet estetiċi u semantiċi tiegħu. Ħa nagħtikom eżempju:

Għajnejk dejjem iberrqu s-sewwa ta’ ġismek ippużat, armat

bl-eżattezza tal-imħabba;

inti l-mara tax-xita

tgħix biss bil-memorji tax-xitwa ta’ ħajtek

imdendla mal-imsielet twal

jitliegħbu fl-ispazju

bejn id-dinjità tas-silenzju u l-vulgarità tat-tpaċpiċ.

 Mix-xita tiegħek tbexxex il-linka tal-istorja

u d-demm tat-traġedja.

 Dan l-ispazju

Fl-aħħar nett wieħed ma jistax ma jagħtix kredtu lil fotografa brava Rachel Micallef Somerville li segwit diversi poeżija b’fotografu kontemplattiv bl-abjad u l-iswed. Il-fotografija tal-iswed u abjad tevoka emozzjonijiet qawwija għax tesplora l-binarji u l-konfini bejn id-dell u d-dawl u tiċċelebra l-komplessità bl-akbar awsterità u bl-akbar mod minamilist.