Titlu:  DAK LI TIŻRA’, TAĦSAD

Awtriċi:  THERESE VELLA

Pubblikatur:  HORIZONS

 

Dan ir-rumanz sibtu interessanti ħafna minħabba li huwa ambjentat fil-futur, fejn il-passat tiegħu huwa ż-żmien li ngħixu fih aħna llum. Rakkont intriganti ta’ tifla ddisturbata mill-mewt ħesrem ta’ missierha, u t-trobbija li rċeviet wara mingħand ommha. Trobbija li ma tantx ħalliet relazzjoni tajba bejn l-omm u l-bint.

Biss meta ssir tfajla, din xorta waħda tibqa’ tiġri wara l-passat. Xtaqet li ssir taf min kien għamel tant ħsara lill-familja tagħha.  Riedet tiskopri min kien verament dak li kisser il-karriera ta’ missierha biex saħansitra, spiċċa biex anki bagħtu fil-qabar.

Barra minn hekk, dan ir-rumanz huwa kkaratterizzat minn diversi intriċċi ta’ relazzjonijiet ta’ mħabba. Stejjer intriganti li jistgħu jkunu sinċiera, filwaqt li oħrajn joħolqu dubju ta’ kemm fil-verità huma ġenwini … bil-konsegwenzi kollha li jġibu magħhom.

Għalhekk, din it-tfajla tidħol b’ruħha u b’ġisimha biex tinvestiga dak li kienu għaddew minnu ommha u missierha fi tfulitha. Għaliex ma baqgħux jaqblu? Għaliex nibtu bosta diffikultajiet? Għaliex bejniethom kienet issaltan ċerta bruda? Għaliex kienet tismagħhom jitlewmu daqshekk spiss? U t-tabib, li kien ħabib mal-omm minn tfulithom, x’sehem kellu f’din ir-relazzjoni?

Tgħid dan kollu kien il-kaġun ta’ azzjonijiet intenzjonati minn ħaddieħor biex ifixkel lilhom u r-relazzjoni ta’ bejniethom? Kienu qegħdin ibatu l-konsegwenzi li għabbiethom bihom is-soċjetà? Jew kienu baqgħu jsofru l-ingann ta’ min, għall-iskopijiet tiegħu, ried jgħaddihom minn bosta diffikultajiet li fl-aħħar mill-aħħar, spiċċaw biex herrewhom?

Għax bħalma jaf kulħadd, fid-dinja ma jeżisti l-ebda limitu għall-għira, ir-rgħiba, l-egoiżmu, l-arroganza u l-korruzzjoni li kienu minn dejjem, u li f’qalb il-bniedem mhuma se jmutu qatt!

Madanakollu, wara ħafna intriċċi, diżappunti u anki sorpriżi, l-investigazzjonijiet iwasslu lil din it-tfajla biex fl-aħħar mill-aħħar, tiskopri min kien tassew il-ħtija tat-turbolenzi li dejjem inqalgħu fil-familja tagħha. Biss, meta tasal biex tagħmel ġustizzja ma’ dawn il-persuni, tinduna li d-destin ried mod ieħor.

Ta’ min jinnota li dan ir-rumanz kapaċi jwassal messaġġ importanti ħafna. L-azzjonijiet ħżiena li jġiegħlu persuna oħra ssofri ma jirriflettux biss fuq min iġarrabhom. Imma, jistgħu jħallu wkoll konsegwenzi koroh ferm fuq xi wħud mill-qraba ta’ min ikun għadda minnhom – u sorprendentament – fuq il-qraba ta’ min ikun wettaq l-azzjonijiet il-ħżiena stess. Qraba innoċenti li indirettament, u wisq iżjed intortament, huma wkoll jispiċċaw biex ibatu bosta konsegwenzi materjali, kif ukoll danni morali u psikoloġiċi.

Però, l-aktar ħaġa kurjuża li laqtitni f’dan ir-rumanz kienet il-mod ta’ kif din it-tfajla, minkejja li missierha kien ilu żmien twil mejjet, xorta waħda baqgħet toħlom bih u dejjem tħossu qrib tagħha. Saħansitra li xi drabi qiegħed ukoll hemmhekk, maġenbha. Tgħid ried jgħidilha xi ħaġa? Xtaq jgħaddilha xi messaġġ? Ried juriha kemm kien għadu jħobbha? Jew forsi biex iħeġġiġha tkompli tindaga ħalli tiskopri xi misteru ġdid ieħor dwar familtha …?

Huma interessanti wkoll il-kummenti u l-osservazzjonijiet li għamel il-Professur Charles Briffa dwar dan ir-rakkont, fejn analizza bosta aspetti u xtarr bir-reqqa l-karatteristiċi differenti li joħorġu mill-istorja intriganti ta’ dan ir-rumanz.

Wara r-rumanz FRASCATI, dan huwa t-tieni ktieb ta’ Therese Vella. Awtriċi li għandha pinna ħelwa, mexxejja, u li kapaċi toħloq rakkont li jżommok sal-aħħar paġna – kemm jekk inhu msejjes fuq ġrajja ta’ mħabba, u anki dwar il-valuri tal-ħajja. Rumanz b’tema interessanti, lingwaġġ mexxej u kapitli qosra. Għalhekk meta qrajt DAK LI TIŻRA’, TAĦSAD indunajt kemm il-versatilità tispikka sew fl-ideat kurjużi, attraenti, interessanti u fertili bil-bosta ta’ din l-awtriċi.

Dan ir-rumanz ġdid issibu tixtruh minn www.horizons.com.mt ,  horizons malta / outlook coop , minn Agenda Bookshops , u mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.

Nawguralkom qari bil-Malti mill-isbaħ

Michael Cini