Ippubblikat għall-ewwel darba fl-2023 minn Horizons www.horizons.com.mt

Kumment ta’ Tarċisju Zarb

 

Jingħad li l-ħajja hija ‘palk’. U fuq dan il-palk, kull attur jippreżenta lilu nnifsu skont il-‘faċċata’, li jkollu jilbes. Sadattant waqt li jkun fuq dan il-palk, huwa jagħmel minn kollox biex jipperswadi ’l-‘udjenza’ skont il-faċċata / il-maskra li jkun libes.  Meħuda fil-kamp wiesa’ tal-ħajja, din tista’ tintqies bħala l-preżentazzjoni tal-innifsi, dak li bl-Ingliż, ngħidulu ‘self’. Hawnhekk aħna nkunu f’qagħda li nippruvaw nimmaniġġjaw l-impressjoni li nkunuhom jarawna fiha. B’hekk nikkonvinċuhom bl-identità li nkunu rridu nasserixxu.

M’hemmx dubju li dan isir b’diversi modi, mhux biss f’termini ta’ kliem, imma wkoll bill-mod kif nilbsu u l-bqija, u xejn inqas permezz ta’ dak li ma nagħmlux. B’xi mod dan jista’ jintqies bħala proċess ta’ ‘manipulazzjoni’ fejn aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nagħtu l-aħjar impressjoni possibbli tagħna nfusna. Ovvjament m’hemm l-ebda garanzija li din l-impressjoni li nkunu rridu ngħaddu, se jkollha s-suċċess mixtieq, imma minkejja kollox, dan nagħmluh. U dan nagħmluh, b’mod speċjali fejn tidħol l-identità hekk meqjusa bħala ‘stigmatizzata’.

U b’dan il-mod jinbnew il-faċċati, anke jekk ikun hemm ċans li mhux kollox ikun fil-kontroll tagħna fejn tidħol il-formazzjoni u preżentazzjoni tal-identità vera u proprja tgħna. Is-soċjetà u l-istrutturi tagħha, min-natura tagħhom għandhom il-modi tagħhom kif jiddeterminaw l-inugwaljanzi u jikkontrollaw l-identitajiet li l-individwi għandhom iċ-ċans li jadottaw. F’dan ir-rigward, irid jew ma jridx l-individwu, ħafna drabi jkollu joqgħod għal dak li tiddetermina s-soċjetà li jkun qiegħed jgħix fiha.

U dan hu ftit wisq ix-xenarju li Joe Camilleri, bil-mod narrattiv tiegħu jipprova ‘jistudja’. Dan hu l-mod kif bħala awtur, imħarreġ sewwa f’din it-tip ta’ narrattività li tgħid fil-qosor qagħdiet speċifiċi ta’ mħuħ u personalitajiet li jsibu ruħhom f’xi tip ta’ travalju jew ieħor, jagħmel. Jipprova jara dawn il-‘faċċati’ li nibnu biex b’xi mod inkunu nistgħu nibqgħu ‘komdi’, jekk xejn magħna nfusna, aktar milli mad-dehra ta’ barra minnha. Sadattant, il-forzi soċjali għandhom il-mod tagħhom, kif ‘jittraxxinawna’, u jordnawlna huma wkoll kif għandna nippreżentaw lilna nfusna.

U dawn il-‘faċċati’ jieħdu dimensjonijiet varji, dejjem skont in-narrattiva ta’ kull individwu  — narrattiva bejn żewġ miżżewġin, li kienet marret żmerċ, u kellha l-‘kruha’ tagħha – ta’ min filwaqt li fuq naħa ma riedx li l-kumpann jagħmel suwiċidju, fl-istess ħin ma riditx tikxef għawarha mal-ġirien, u tgħid, dejjem skont dik l-ittra li kienet irċeviet, li żewġha, meta kien fl-aqwa tiegħu ma kienx dejjem fidil lejha. Imma, dak kollu ried jibqa’ ‘jintredden’ fil-qiegħ nett ta’ ‘diskorsitha’ – dak id-diskors li jservi, sewwa sew biex jingħalaq f’dawk il-ħitan ‘ġewwinija’, li ma jkunux iridu li jitberrhu. Il-faċċata. Il-maskra kellha tirbah. L-għeluq ta’ din in-novella, miktuba bħall-bqija tan-novelli l-oħra bi stil mexxej u ‘ta’ veru’, tiġbor bħal qisha f’sinteżi dan il-‘ħabs’ li hija kienet issakret fih.

Xħin ħarġuh fuq l-istretcher ma kinitx taf kienx ħaj jew mejjet. Wiċċu kellu s-sfura ta’ parċmina tal-qedem. U meta waqa’ s-skiet wara li s-sirena tbiegħdet tnewwaħ ħassitha ċerta li l-aħħar xewqa tagħha tilfitha. / Kollha telqa, ġibdet u sakkret il-bieb ta’ kamartu. Din id-darba biex tiżgura li d-dehra tibqa’ magħluqa hemm ġew. Biex il-memorja ma tibqax tippersegwitha. / Imma r-riħa ta’ Settembru baqgħet imwaħħla fi mnifsejha. Donna kienet riħa eterna. (Ir-riħa ta’ Settembru p. 21.)

U l-faċċata ta’ dar, għal min ikun għadda, b’mod speċjali minn ċertu esperjenzi li jkunu sawruh, jibqgħu jirreżonaw b’saħħa fil-qiegħ nett ta’ ruħu, kif ġara sewwa sew fin-novella ‘Faċċata ta’ memorja’, faċċata, li għal tfajla li kienet sfat itturufnata minnha, kienet tfisser l-istess ħajja tagħha – l-istess traġedja tagħha, traġedja li hija kienet qiegħda tgħix b’insistenza fil-qiegħ nett tal-istess personalità tagħha. U huwa sewwa sew f’dan id-dawl li wieħed jista’ jifhem dan l-ittitubar tal-ftuħ ta’ din in-novella, li n-narratur, imbagħad ikompli jibni b’saħħa, ħila u lingwa unika, hekk kif ma jiqafx biss fuq is-superfiċje ta’ dak li jiġri, imma jidħol u jmur lura fiż-żmien taż-żmien u l-effett li dan kellu fuq min kien iġġarrab u ġġarrab bl-ikrah.

Fl-aħħar jiem ħakimha fi tliet okkażjonijiet differenti b’għajnejha mwaħħla fuq il-faċċata ta’ daru. /  Kien jinzerta bilqiegħda jaqra wara l-persjana li tkennu mill-qilla tax-xemx u tgħaddilu nifs ta’ żiffa friska. Fl-istess waqt isservih ta’ muxrafija biex minn bejn ix-xquq tal-paletti jgħarrex xi jkun għaddej fit-triq. Mhux għax dit-triq kienet xi waħda mimlija enerġija ta’ attività. Anzi triq aktar ħiemda għax fiha ma joqogħdux għajr erbat ixjuħ li ma jixirfux barra ħlief għall-knisja u għal xi qadi. Magħhom tliet residenti barranin dejjem imkenna fis-skiet-ħarba ta’ ħajja ġdida solitarja. (Faċċata ta’ memorja p. 22.)

U l-faċċati li nibnu magħna nfusna u ma’ dawk ta’ madwarna hemm iċ-ċans li jkunu diversi. U dan hu li jiġri f’din in-novella, novella, li twassal lil omm li tagħraf, li bintha kellha sesswalità differenti minn dik li għaliha kienet in-normali, u li minħabba l-fatt li hija kienet inqabdet tqila qabel iżżewġet, kienet tellgħet lil bintha b’tali mod u manjiera li din it-tifla qatt ma setgħet tgħidilha ċar u tond x’kienu l-ġibdiet tagħha. Il-psikjatra, madankollu ġab lil omm konxja ta’ dan il-fatt, u dan wassal biex iż-żewġ esseri jagħrfu aktar lil xulxin. U din kienet faċċata oħra, li n-narratur ħass il-ħtieġa li jitkellem dwarha, hekk kif ħares madwaru u seta’ jifhem dawn il-fċaċat varji li jsawruna bħala individwi fi ħdanna nfusna u fi ħdan is-soċjetà ta’ madwarna.  Novella li titkellem dinja.

Qatt ma setgħet tifhem għaliex magħha l-omm li tant setgħet tifhimha, bintha kienet daqshekk  magħluqa. Xofftejha daqshekk marsusa li ma tmurx tiżolqilha kelma. Hi dejjem tfaqqa’ l-mistoqsijiet u t-tifla xxengel rasha u qajla twieġeb. (Dell minn wara t-tieqa p. 53)

U x’ma jagħmilx il-bniedem biex jagħti impressjoni ta’ xi ħaġa li hu ma jkunx. U hekk jiġri f’din in-novella, fejn bniedem li kien għamel kemxiet ta’ flus ġmielho, filwaqt li qatta’ ħajtu li dejjem se jinstereq, jew jinqabad bir-regoli stretti li kienu daħlu, fl-aħħar mill-aħħar, imut u jispiċċa jħalli kollox warajh. Il-faċċata tiegħu kienet tgħid mod, imma r-realtà finanzjarja tiegħu kienet tgħid mod ieħor. Dan hu li sab wieħed minn dawk li kien jiġi minnu:

Ma kienx mument li waqa’ għat-tentazzjoni meta kienu ċemplulu mill-kamra mortwarja u talbuh iġibilhom l-ilbies tal-kefen għal zijuh. Taħt il-qomos mitwija puliti fil-wiċċ tal-kxaxen tal-gradenza kien lemaħ il-pakketti tal-ewro mgeżwra fil-boroż tal-plastik. Jiftakar li kien baqa’ b’ħalqu miftuħ iħares lejn il-mazzi tal-ġid. Għaraf minnufih li z-ziju Andrè kellu wkoll il-faħam miblul. Dawk il-flejjes kienu l-ħabi ta’ dnubiet, ta’ taħwid, ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni li messu għamel. (Biża’, p. 89)

U quddiem il-qerda sagrilega ta’ ħafna dehriet, ekoloġiji u binjiet ta’ din l-art tagħna, ma jonqsux novelli bħal din  ta’ Il-Ħajt Faċċata, li bl-istil inimitabbli ta’ Joe Camilleri, jurina kif il-bniedem quddiem dan il-flaġell ħafna drabi ma jkollux mod ieħor kif ivinċi, ħlief li jibla’ lsienu u jgħix fl-illużjoni. Jekk le. Jekk ma jibnix din il-faċċata, hemm iċ-ċans li jmur ħafna u ħafna agħar milli qatt jista’ jobsor.

Ix-xwejħa kienet sejra terġa’ tiżbroffa bir-rabja u l-korla tas-soltu. Iżda trażżnet. Qatt ma kienet mara ribelluża. Il-kompjaċenza lanqas ma kienet magħġuna f’demmha. Imma għarfet li bħal ħafna, jekk ma riditx titlaq qabel il-waqt, ma kien baqgħlha salvazzjoni oħra ħlief li tibda tgħix fl-illużjoni. (Il-Ħajt Faċċata, p. 143.)

U dak li jiġri fil-qiegħ nett ta’ min iġarrab il-vojt li jħallih fih, meta l-missier jitlaq minn ħajjet ibnu, bħal qisu ma kienx jeżisti, jinħass sewwa sew fin-novella ‘Qmis roża f’raġġ ix-xemx’, novella, li fl-istess ħin turina, li anke jekk fil-qiegħ nett ta’ ruħna aħna nkunu mweġġgħin, fl-istess ħin ikollna nagħtu l-idea mod ieħor. Irridu nibnu ‘faċċata’ kif ikunu jridu n-nies u l-qraba tagħna:

Kienet qiegħda tagħtini f’għajni. Iddejjaqni. Qmis roża. U roża ċar għall-aħħar. Qawwi u jixgħel. Għax biex tagħqad, il-merżuq għammiexi ta’ dawl li kien jispara mis-sħab miftuħ, bħal raġġ ta’ searchlight kien jaqa’ dirett fuqu. /  Il-lewn roża nassoċjah ma’ ċerta tenerezza, ma’ delikatezza, ma, ndafa infantili. F’għajnejja, il-lewn roża u tarbija huma sinonimi. Il-kulur aħmar imlaħlaq bin-newtralità; l-aħmar ta’ qilla, ta’ sħana, ta’ enerġija mħallat mal-abjad tas-safa, tal-indafa, tal-innoċenza. (Qmis roża f’raġġ ix-xemx, p. 192)

U ħafna drabi jista’ jiġri wkoll li ninqabdu bejn iktar minn faċċata waħda – fċaċat dikotomiċi, u għaldaqstant, l-għeluq ta’ din in-novella jitkellem waħdu.

Ix-xiħ tajjar il-ġlekk u l-ingravata minn fuqu. Libes il-flanella safranija, il-qalziet imraqqa’ u l-ġakketta qadima bil-minkbejn mikula, il-pulzieri xiber kallament u l-buttuni nieqsa. Kellu seba’ mitt sena biex tispontalu l-leħja u terġa’ tikber sewwa u biex xagħru jitwal u jitqanfed. Imbagħad ikun reġa’ kiseb id-dinjità tiegħu. (Inċiżjoni ta’ żewġ estremitajiet, p. 244.)

Minn dan kollu ninnutaw li l-ħajja li naraw madwarna, aktarx iva milli le, hija gidba. Hija biss faċċata. Hija biss mod kif nippreżentaw u nirrappreżentaw lill-jien-soċjali tagħna. Sfortunatament, f’dan l-isforz tagħna biex aħna nikklimatizzaw ruħna mad-dinja tal-madwar, ngħaddu minn tbatijiet u sofferenzi kbar. Il-‘gidba’ hija wisq tqila. U l-maskra ma tħalliniex nieħdu n-nifs kif għandna neħduh. B’dan il-mod, għal ħafna minna, aħna qatt ma ngħixu mument li fih aħna nkunu aħna tassew, imma dak li l-miġemgħat ta’ madwarna jkunu jridu jarawna fih.

Nagħlaq billi ngħid, li l-kitba ta’ Joe Camilleri, hija kitba mexxejja, ċara, faċilment tinqara, għax meħjuta b’intersentenzjalità koeżiva u koerenti, li turi ħakkiem qawwi ta’ lsienna, kif ukoll tal-fluss kif dan jinbena hekk kif djalogi, deskrizzjonijiet u narrazzjonijiet jintħietu flimkien biex isawru narrattivi ta’ veri, mhux biss fil-kontenut, iżda wkoll fl-istess sensittivitajiet li jinħassu jserrpu ġo fihom. Nissuġġerixxi, għaldaqstant, li dawn il-kitbiet jinqraw, u jiġu studjati f’livelli varji tas-sistema edukattiva tagħna. Fl-istess ħin nawgura lil Joe Camilleri aktar kreattività mibnija fuq ir-realtà soċjali u psikoloġika tal-għajxien tagħna bħala Maltin u Għawdxin.