Isem Michael Cini llum sar sinonimu tan-narrattiva bil-Malti. Bejn l-2014 u l-2024 huwa kiteb mad-disa’ rumanzi għall-kbar (Preżenza, 2014; Ix-Xafra tad-destin, 2015; Skjava… Fil-Ktajjen tal-Imħabba, 2017; Konvoj, 2017; L-Ewwel Preżenza, 2018; Eroj, 2019; Il-Ħalfa tad-Destin, 2021; u żewġ volumi ta’ Imħabba Projbita, 2023) u żewġ kotba għat-tfal (Is-Sigriet tal-Ħares, 2022; Is-Sigriet ta’ Għajr is-Serp, 2024).   Għall-Imħabba ta’ Prostituta hu rakkont li jinqasam f’żewġ volumi u li jifrex b’kollox fuq iktar minn 600 paġna u jinqasam fi tnax-il taqsima (sitt taqsimiet kull volum) u numru mdaqqas ta’ kapitli. Din id-darba Michael Cini jagħtina l-istorja ta’ tfajla li minn età żgħira nqabdet fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni. Saħansitra ġiet imrawma minn ommha stess biex taħdem bħala skjava tas-sess għal kull min xtaq jinqeda biha, imbasta jkollu biex iħallas. Imma l-ħolma ta’ Kimberly kienet dejjem li tkun bħal tfajliet oħrajn. Li tgħix ħajjitha kif xtaqet hi, u mhux kif jiddettalha dak l-arġużin bla skrupli li kien iħaddimha. Li ssib lil min iħobbha tassew sabiex, bħal ħaddieħor, tkun tista’ tibni familja. Ma xtaqitx tibqa’ tiddependi fuq min jinqeda biha biss biex wara li jagħsar minnha kulma ried, iwarrabha u jarmiha. Mhux ta’ b’xejn li dakinhar li jsibha ġuvni ġentili, mixħuta għal riħha mal-art taħt xita qliel wara xebgħa ħarta li kienet qalgħet f’nofs ta’ lejl, din urietu li xtaqet li tibqa’ miegħu għal dejjem ħalli tkun tiegħu biss. Għax għaliha, dan il-ġuvni ġentlom kien differenti minn irġiel oħrajn. Għaliha, dan kien il-ġuvni li seta’ jeħlisha mill-jasar li kienet destinata li tgħix fih.

Permezz tiegħu setgħet tgħix il-ħolma ta’ ħajjitha. Wara kollox, hu kien għadu kif ħareġ minn relazzjoni soffokanti li ħallietu mifni, b’qalbu maqsuma, u ma jafx jekk kellux jibqa’ jgħix, jew le. Għalhekk, il-qarrej jista’ jimmaġina kif lil din it-tfajla, minkejja li kienet għaxar snin iżgħar minnu, minnufih ħassha bħal balzmu sserraħlu l-feriti fondi u miftuħin li kellu f’qalbu. Madanakollu min kien ilu jaħkimha, iħaddimha, jaħqarha u jgħakkisha ma kienx lest li jitlaqha minn taħt   difrejh kif ġieb u laħaq. Ħlejqa tarija bħal Kimberly kienet tqallgħu kemxa flus ġmielha u għalhekk, ma xtaqx li jitlifha minn taħt ħalqu. Tant hu hekk li d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom din it-tfajla u l-ġuvni tagħha kienu kbar. Speċjalment it-theddid qalil u saħansitra anki attentati perikolużi fuq ħajjithom li ħallewlhom konsegwenzi kbar. Għalhekk biex lil Kimberly jipprova jsalvaha u jeħlisha darba għal dejjem mill-jasar u l-iskjavitù li kienet maqbuda fihom, dan il-ġuvni qalbieni kellu bilfors jgħaddi minn saram u perikli kbar li saħansitra ġabuh ukoll wiċċ imb wiċċ mal-mewt! B’hekk biss seta’ jipproteġi lilha u l-frott tal-imħabba tagħhom illi issa kienet qiegħda ġġorr f’ġufha. Imma tgħid l-ajru, xi darba kien għad jibbnazza għalihom it-tlieta? Għal darb’oħra Michael Cini jagħtina rakkont imdaqqas mill-isbaħ li jittratta t-tema tal-imħabba u dak kollu li jiġi magħha: sigħat ta’ dalma, sitwazzjonijiet u deċiżjonijiet diffiċli, il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, xewqat u proponimenti, il-ħabi tal-verità u l-għatx għall-ġustizzja, żjarat għal għarrieda, telefonati misterjużi, tentazzjonijiet u kunflitti interni, esperjenzi ġodda u tradimenti, kastigi, kefrija, feriti fondi, stalletti fil-qalb, diżonestà u rabja, sajjetti fil-bnazzi u sinjali ta’ tama, ħajja ġdida, sfidi qalila, seħer maġiku, sorpriżi, attentati perikolużi, indaġni li ma twassal imkien, u ħafna iktar.

Kummenti ta’ Patrick Sammmut