Il-Psikanalista Joel Friedman fil-prattika professjonali tiegħu għas-saħħa metali iħares lejn il-bniedem bħala kumplessità bijoloġika, psikika, soċjali u spiritwali. Il-ġisem, il-moħħ, ir-ruħ u d-dinja huma l-elementi li flimkien isawwru u jżommu lill-bniedem fuq saqajh u konxju minnu nnifsu fl-issa. Huwa jidentifika tliet dinjiet, jew saltniet biex nitkellmu hekk, li fihom dan kollu jseħħ: is-saltna tal-illużorju, id-dinja empirika u dak li jibqa’ għal dejjem jew l-assolut.  Meta dawn huma f’ekwilibriju il-bniedem jgħix fl-issa, fil-preżent, saqajh mal-art biex nitkellmu hekk. Il-bniedem ikun preżenti fih innifsu, għalih innifsu u għad-dinja ta’ madwaru. Fit-tradizzjonijiet reliġjużi, speċjalment f’dik Ġudeo-nisranija, s-simbolu ewlieni tal-preżenza huwa il-wiċċ li jiġbor fih dan kollu, huwa mera ta’ dan kollu.  It-tradizzjoni mistika, letterarja u artistika żviluppat it-tematika tal-wiċċ. Dante, per eżempju, fid-Divina Commedia, wara t-tisfijiet kollha li jgħaddi minnhom iħares f’Alla u jara lilu nnifsu. Fil-Kristjaneżmu għandna l-kult tal-Wiċċ ta’ Kristu, li huwa enigma fih innifsu. Fl-arti tal-punent ukoll għandna t-tradizzjoni qawwija tar-ritratt u l-awtoritratt, tradizzjoni pittorika li ma nsibuhiex fil-kulturi kollha, talanqas mhux kif żviluppata fil-punent. Din tal-aħħar hija tema qawwija tar-rumanz  Il-Wiċċ l-ieħor mill-pinna ta’ Ġorġ Peresso. Dan ir-rumanz narah jidħol f’din il-linja ta’ riflessjoni letterarja fuq il-misteru tal-wiċċ. Bla tlaqlieq nistqarr li dan “ir-rumanz kulturali” aktarx huwa l-aqwa li ġie f’idejja għal dawn l-aħħar snin. Insejjaħlu kulturali mhux biss għax fih minjiera ta’ riferenzi mitoloġiċi u artistiċi. Insemmu hawn lil Gustav Mahler, Kokostcha, Klimt, Dante, Bruegel, Carpaccio, Van Gogh, Cailebootte u l-bqija, li jpaxxu l-qarrej kolt b’għana ta’ xbihat u ħsejjes waqt li qed jaqra, u li jista’ jservi ta’ ħajra għall-qarrej li mhuwiex midħla ta’ dawn il-ġganti kulturali sabiex isir jafhom u japprezzahom. Ngħid għalija kull rumanz, jew ktieb hu x’inhu, huwa avventura, daħla f’dinja oħra. Il-Wiċċ l-ieħor, li qrajtu f’jum u lejl, huwa tassew festa ta’ immaġni, mużikalità u introspezzjoni psikoloġika dwar ir-relazzjoni intrinsika bejn l-illużorju, l-empiriku u l-assolut. It-tlieta li huma esposti fil-protagonista kritiku tal-arti iffissat bil-wiċċ, li l-laqgħa ma’ mara li tolqtu b’qawwa li tħarbatlu ir-ritwalità li kienet qegħdha żżommu f’bilanċ illużorju. Impatt li  bih din il-mara misterjuża kixfitlu d-diżarmonija u l-frammentazzjoni li kien hemm f’ġismu, moħħu u ruħu fl-eżistenza bejn l-illużorju, l-empiriku u l-assolut. Ir-rumanz huwa msensel fi tlettax il-kapitlu u epilogu. Dawn jinġabru f’żewġ taqsimiet: l-imgħoddi (impliċitu) u Ħmistax -il Sena Wara, li fil-loġika tar-rumanz jiġi l-issa (espliċitu). Ir-rumanz, jagħlaq billi ma’ jagħlaqx. L-aħħar kelmiet qishom titlu ta’ kapitlu li għadu qed jinkiteb… fil-moħħ tal-qarrej: It-Tmiem. Forsi. Il-qarrej f’dan ir-rumanz qisu jsir ukoll protagonista. Il-karattri bla isem iħalluk għandhom l-effett ta’ identifikazzjoni fil-psike u l-emottiv tal-qarrej, hekk kif il-protagonista jidentifika ruħu mal-wiċċ u allura mal-ħajja ta’ Koskoschka li bħal donnu jinkarna fih. Il-kapitli għandhom il-valur li huma stejjer kompluti fihom infushom. Ħjiel ta’ dan huwa l-fatt li t-titli kollha jintemmu bil-punt. Jidher ċar li hija għażla tal-awtur għax meta taqra l-kapitli, tieħu l-impressjoni li huma fil-fatt stejjer kompluti fuq tipi ta’ wċuh Medusa, Nuda Veritas, Kokoschka, u l-bqija. Il-kapitli qishom frammenti mużikali li jsawwru orkestra Mahlerjana. Is-sentenzi qosra u twal, idaħħlu l-qarrej fir-ritmiċità sinfonika li minnha hija ispirata din il-ġrajja daqstant partikulari, daqskemm universali. Inkiteb ħafna dwar il-kontenut tar-rumanz u l-ġrajja li jirrakkonta. Mhux il-każ li hawnhekk nirrepeti dak li diġà qal ħaddieħor. Il-kobor ta’ dan ir-rumanz fil-ġrajja letterarja Maltija, talanqas dik reċenti huwa l-kapaċità tal-awtur li b’sensibilità drammatika u teatrika idaħħal lill-qarrej b’qawwa fih innifsu u jġibu wiċċ imb’wiċċ mal-wiċċ l-ieħor tal-esperjenza umana tagħna frammentata, lil hemm minn dak li jidher, fl-inżul kuraġġjuż fid-dinja ġewwinija li titħabat fina biex issib lilha nnifisha bla ma’ tinqered, u allura s-sens tal-eżistenza personali, bejn l-illużorju, l-empiriku u l-assolut fir-relazzjoni kumplessa bejn il-ħtiġijiet, il-ġibdiet u x-xewqat tal-ġisem, tal-moħħ u tar-ruħ. Rumanz kapulavur mill-pinna matura ta’ Peresso.

 

Charlò Camilleri, O.Carm.