Xi kummenti minn Patrick Sammut
Dan il-prequel għal rumanz ieħor ta’ Darren Agius itul mal-189 paġna u huwa mqassam f’16-il kapitlu. Fid-“Dedika u Ħajr” naqraw hekk: “Permezz ta’ din l-istorja nixtieq insellem il-memorja ta’ dawk il-Maltin li bis-sagrifiċċji u bil-ħajja tagħhom jagħmluna dak li aħna llum.” Darren Agius bħal sa mill-bidu nett iberraħ l-għan tal-kitba tiegħu: mhux biss dik li jagħti gost, imma anki li jixħet ftit dawl fuq l-istorja ta’ ġensna u jistedinna nsiru nafuha, napprezzawha u nimxu fuq il-passi ta’ missirijietna li ħabbew verament lil Art twelidhom, Malta. L-awtur tkellem mal-medjevalista akkademiku Charles Dalli dwar l-istorja tal-epoka inkwistjoni u dan sabiex ir-rakkont ikun verosimili kemm jista’ jkun. Tkellem ukoll ma’ J. Neville Ebejer, riċerkatur għall-grupp Medjevali “Compagnia Castellammare”.
F’dan il-prequel naraw li pont li jgħaqqad ma’ dak li ġej wara hi t-tverna tal-Lhudi Xiloma. In-narratur huwa l-Burgi, imma wieħed jistaqsi liema wieħed eżattament? Insiru nafu li huwa “l-aqwa furban”, Wenz, missier Johanni. Dan tal-aħħar għadu kemm twieled u min qara l-ewwel rumanz jaf li huwa l-protagonist ta’ Imħabba Taħt Assedju. Storja Kbira, jew le?
Minn kapitlu 1 għal kapitlu 2 isseħħ qabża temporali ta’ tmien snin. It-tarbija tikber u tfittex l-indipendenza tagħha. Jinbidel in-narratur u l-punto di vista jgħaddi għat-“tarbija” li issa għandha tmien snin, Johanni Burgi. Issir qabża temporali oħra ta’ sentejn bejn il-kapitli 2 u 3, fejn jingħata spazju għar-relazzjoni bejn missier u iben. Missier Johanni għandu flus biżżejjed biex iħallas lil persuni differenti sabiex iħarrġu lil ibnu fl-użu tal-armi u jitgħallem l-ilsna. Johanni jitkellem ma’ missieru dwar l-idea ta’ “Malta tagħna”, mela dwar Malta tal-Maltin. Missieru jgħidlu biex jikkonċentra fuq l-attività tas-sibi fuq il-baħar.
Għaliex missier Johanni bħal jitfantas jew ma jweġibx meta ibnu jistaqsih dwar ċerti ħwejjeġ? Tissemma soċjetà sigrieta. Dawn huma aspetti li qrajna dwarhom fir-rumanz oriġinali. Anki hawn Johanni jgħaddi minn prova ta’ rġulija, kuraġġ u lealtà. Imma l-awtur bħal iħallina indeċiżi dwar il-vera identità ta’ Johanni: huwa dak li rajna fir-rumanz oriġinali jew nannuh, ladarba t-tnejn jgħaddu mill-istess prova biex ikunu parti mis-Societatem Verum Melitensis? Hu hawnhekk meta nifhmu li Johanni hu n-nannu ta’ Johanni li hu ċentrali fl-ewwel rumanz. Hawn Johanni jieħu grazzja ma’ Marija, filwaqt li Johanni n-neputi jinġibed lejn Pawlina. L-ispazju hu dak ta’ Bir Mula u Ħaż-Żabbar.
Anki f’dan il-prequel jinxteħet dawl fuq ħwejjeġ interessanti marbuta mal-epoka storika. Jissemmew iċ-Civitas u s-sibi, id-drawwa li l-irġiel ma setgħux ikunu qrib marthom waqt il-ħlas. Niftakru li l-mewt kienet komuni ħafna f’din l-epoka, kemm fost it-trabi, kif ukoll fost l-adulti. Anki hawn jissemmew xi kunjomijiet tal-epoka, bħal Habdille. Interessanti wkoll il-muniti tal-perjodu – uqija, rbiegħi u ħabbiet -, imma anki l-logħob tat-tfal, fosthom dik tal-iskjavi. Jissemma anki l-ikel fit-taverni: inbid, ħobż abjad, ġobon, sardin, flimkien mal-logħba tad-damma fost l-irġiel. F’kapitlu 6 naqraw deskrizzjoni ħajja ta’ festa f’taverna fejn l-irġiel li kienu se jieħdu sehem f’azzjoni ta’ sibi kienu jiltaqgħu, jixorbu u jiddevertu l-lejla ta’ qabel. Kapitlu 7 jagħtina deskrizzjoni ta’ xi armi li kienu jġorru magħhom is-sibbien u l-protezzjoni kontra d-daqqiet. Il-fusta kienet imbarkazzjoni ħafifa li tista’ timxi bil-qlugħ u bl-imqadef. Toħroġ ukoll l-idea li fis-sibi mhux biss is-saħħa fiżika kienet tgħodd, imma anki l-ħsieb u l-intelliġenza. Apparti hekk, min kien jaf ilsien il-għadu kellu vantaġġ ukoll. Jissemmew il-bombi differenti li kienu jintużaw waqt attakk kontra ġifen tal-għadu, fosthom il-bomba taż-żejt biex iqabbdu n-nar; il-bombi bil-ħmieġ tal-bniedem u tal-annimali; il-bombi tal-ġir. Huma kurżitajiet li jkomplu jgħinu biex ir-rakkont joqrob kemm jista’ jkun lejn ir-realtà.
Anki hawn Malta hi dik taħt it-tmexxija tal-Aragoniżi. Hemm kunflitt bejn Johanni u Rodrigo, suldat Spanjol tal-Ħakem. Anki f’dan il-prequel ma jonqsux ix-xeni drammatiċi: kapitlu 7 jiddeskrivi attakk tal-Maltin u Sqallin fuq villaġġ mal-kosta tat-Tuneżija. Naqraw b’xeni tal-biża’ fejn iseħħu stupri u qtil mill-Maltin u mill-Isqallin. Johanni jistaqsi lil missieru jekk hemmx unur f’dan kollu, imma Wenzu jispjegalu l-bżonn li jixrief u jidra għax din hi attività bżonnjuża kemm għad-difiża kontra l-għadu, kif ukoll ekonomikament. Toħroġ sewwa r-realtà diffiċli tassew fejn jew toqtol jew tinqatel. Kien hemm drabi meta l-attività tas-sibi kienet tkun falliment u jmutu bosta Maltin qalbiena waqt xi attakk. L-awtur iwasslilna anki t-tbatija tal-familjari li kienu jistennew lis-sibbiena Maltin jirritornaw lura Malta, imma għalxejn.
Intant Agius bħal jintroduċi fil narrattiv ieħor li jagħmel il-ġrajja iktar eċitanti: Marija tiġi mwiegħda lil Rodrigo minn missierha. Rodrigo b’xi mod ifakkar fil-kiefer don Rodrigo ta’ I promessi sposi ta’ Alessandro Manzoni. Anki hawn mela jitħalltu l-istoriku u l-fittizzju. Importanti hu kliem Wenzu li jgħid lil ibnu: “… Malta hi ikbar minni, ikbar minnek u mill-problemi tiegħek. Malta trid devozzjoni, imħabba u sagrifiċċju. Kull darba li Malta ssejjaħ, aħna lesti…” (81) Nifhmu kemm huwa importanti l-aspett patrijottiku f’dan ir-rumanz.
F’kapitlu 9 tissemma data speċifika: “… llum Awwissu 1394” (99). Kien żmien ta’ taqlib soċjali u politiku ladarba Malta kienet għaddejja minn taħt idejn Ħakem għal ieħor. Data speċifika oħra nsibuha f’kapitlu 12, din id-darba permezz ta’ ittra ddatata Lulju 1396. Ningħataw stampa tal-ħajja tipika fil-pjazza mimlija bejjiegħa u nies, anki bil-palk fejn kienu jinbiegħu l-iskjavi (126-127). Jinħass b’saħħtu l-appell għas-sensi: l-għajjat tal-bejjiegħa, u r-riħa tal-bhejjem fis-sħana tax-xemx. Data speċifika oħra tissemma f’kapitlu 14: 14 t’Ottubru 1397. Ningħataw b’hekk l-idea taż-żmien għaddej.
Agius jixħet anki dawl fuq kif kienu jaħdmu l-affarijiet fuq livell nazzjonali: matul xi kunflitt kienu jinħtieġu bosta rġiel biex jiġġieldu, mela bosta raba’ ma kienx jinħadem għax il-bdiewa kienu jaqbdu l-armi; l-ikel l-ewwel ma kien jingħata kien lis-suldati u b’hekk kienu jbatu l-ġuħ ix-xjuħ, in-nisa u t-tfal. Kien hemm ukoll il-Castrum Maris li kien diffiċli ħafna li jintrebaħ f’każ ta’ assedju. Realtà oħra kienet dik li l-Maltin fis-seklu 14 kienu jitkellmu djaletti differenti minn irħula differenti u għalhekk ġieli ma kinux jinftehmu ma’ Maltin oħrajn bħalhom.
F’kapitlu 15 l-awtur iħawwar iktar ir-rakkont mistħajjel billi jintroduċi ċerti kumplikazzjonijiet: tarbija illeġittima, imħabba u adulterju, u dan kollu fuq sfond storiku li seħħ fir-realtà.
F’ċertu punt tar-rumanz jissemma ċertu Apostoli, li hu wieħed minn erbgħa, fosthom Johanni, li jidħlu b’mod sigriet fil-Castrum waqt l-Assedju tal-aħħar. Iktar tard niskopru li dan mhux l-Apostoli tal-ewwel rumanz, imma dan t’hawn huwa l-persuna li għalih issemma z-ziju Apostoli. U dan ikompli jikkonferma li Johanni hawn hu missier Apostoli u ħuh jiġi missier il-protagonist u narratur tar-rumanz preċedenti, jiġifieri Johanni n-neputi.
Fi tmiem dan il-prequel Malta terġa’ tgħaddi taħt il-kuruna ta’ Spanja, u ma tibqax iktar taħt is-sinjuri fewdali, mela iktar libertà biex il-Maltin jamministraw direttament lil pajjiżhom.
Fl-Epilogu ssir qabża temporali ta’ 5 snin. Minkejja li ma naqsux traġedji u mwiet, it-tmiem hu wieħed hieni. Imħabba Taħt Assedju. Deċennju Qabel hu rumanz storiku u epiku fl-istess ħin għax jiġu rrakkuntati anki l-ġesti erojċi ta’ għadd ta’ Maltin qalbiena li tqabdu u ġieli anki tilfu ħajjithom għal Malta. Dan hu anki xogħol fejn tinħass sewwa l-kollaborazzjoni bejn l-awtur kreattiv u r-riċerkatur u storiku taż-Żmien Nofsani, imma anki r-rabta b’saħħitha bejn il-gost tal-qari u l-istedina biex nitgħallmu aktar dwar pajjiżna u l-poplu tagħna.