A Mediterranean History of Modern Art: Tension Between History and Metahistory (Vol. 1) – L-Istorja tal-Arti Moderna Mediterranja: Tensjoni bejn l-Istorja u l-Metastorja huwa l-aktar pubblikazzjoni riċenti tal-Prof. Giuseppe Schembri Bonaci. Dan l-ewwel volum jibni fuq ir-riċerka kritika tal-awtur dwar l-arti moderna billi jiffoka fuq l-iżviluppi artistiċi li seħħew u li għadhom iseħħu fir-reġjun tal-Mediterran, b’mod speċjali matul is-sekli 19 u 20. Dan huwa l-ewwel xogħol kritiku fuq l-arti moderna Mediterranja, li janalizza r-reġjun bħala entità sħiħa u jgħarbel fid-dettall il-kontradizzjonijiet multipliċi u kumplessi li dan l-ispazju ġeografiku huwa miżgħud bihom.
F’dan il-ktieb, il-metodu storiku-teoretiku li Schembri Bonaci ilu jħaddan dwar l-istudju tal-arti hawnhekk jissoktah biex ikopri temi li huma profondament integrati mal-istorja tal-Mediterran, partikularment it-tensjoni bejn il-poteri kożmopolitani u dawk fil-periferija, it-tensjoni bejn il-ħakkiem u l-ikkolonjalizzat, u l-mod kif dawn iddeterminaw il-karatteristika artistika li jħaddan dan ir-reġjun. F’din il-publikazzjoni, l-awtur jintroduci metodoloġija gdida li b’mod djalettiku – magħrufa bħala l-metodu orizzontali li jirribatti dik li eġemonikament hi magħrufa bħala approċċ vertikali u li fil-fatt kienet il-ġerarkija dominanti ta’ pożizzjonijiet militanti fl-arti. B’dan il-mod radikali ġdid, Schembri Bonaci jisfida l-metodoloġiji antikwati li dejjem qdew l-interessi ta’ min hu fil-poter, metodoloġiji li għadhom sal-lum predominanti fir-riċerka akkademika periferali, inkluża dik ta’ Malta.
Din il-bidla innovattiva minn metodoloġija vertikali għal dik orizzontali – minkejja dan – fl-istess ħin twaħħadhom djalettikament flimkien, u tiftaħ possibiltajiet ġodda dwar kif l-istorja għandha tiġi eżaminata, anke a tramite ideat filosofiċi Marxisti, inkluż dawk żviluppati minn ħassieba tal-Modern, tal-iskola ta’ Frankfurt, dik Post-Marxista u Post-Modernista, u kif dan kollu b’xi mod jew ieħor sab l-għeruq fil-ħsieb kontemporanju tal-lum, u l-aktar sinifikanti li riċerka bħal din tkun imsejsa fuq kitba u analiżi li s-sorsi tagħha tkun ġejja minn filosfi, intellettwali, studjużi u artisti minn kull naħa tal-Mediterran, inkluzi dawk non-Ewropej.
Il-ħsieb ewlieni ta’ dan kollu huwa li jittieħdu l-passi meħtieġa bil-għan li jisfidaw perspettivi kolonjali, perspettivi li għalkemm imlibbsa b’forom u lbies differenti, għadhom jezistu u jaħkmu fiċ-ċrieki akkademiċi sal-lum il-ġurnata.
Din il-pubblikazzjoni ‘Horizons’ kienet megħjuna mill-Fond Malti tal-Ktieb 2023 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.