Il-kelma tas-seħer liberatorju.
Mat-tokki tas-sebgħin sena tiegħu, Mario Azzopardi (t.1944) jerġa’ jitfaċċa bi xbihat disturbanti ta’ erotiżmu mistiku, sesswalità suġġestiva u tendenzi apokalittiċi. Minn enigma sa ironiji u paradossi. Il-varjetajiet u l-personifikazzjonijiet ironiċi tiegħu għadhom hemm, kif draw jaqrawhom (u jfittxuhom) tant qarrejja. L-awtur qatt ma beża’ jitkellem dwar ir-realtajiet kontemporanji ta’ żmienu, bil-bniedem dejjem fiċ-ċentru tal-kontradizzjonijiet. Fil-fatt, il-provokazzjoni għadha hemm, l-istess kif għadu hemm il-konfront mas-siti tal-burokrazija qattiela u l-poter oppressiv.
Imbagħad hemm l-infiltrazzjoni kostanti għal xi tfittix ta’ ritwalità elużiva li l-poeta dejjem baqa’ jfittex għalxejn. Madankollu, jiġri matul l-antoloġija, jingħaraf sottokurrent ta’ seħer liberatorju.