P. Feliċjan kellu f’moħħu jippublika l-poeżiji f’għaxar taqsimiet ta’ tmenin poeżija l-waħda. Dawn il-poeżiji huwa kitibhom f’medda ta’ għoxrin sena bejn l-1978 u l-1998. F’dak iż-żmien f’pajjiżna kien għaddej aktarx wieħed mill-aktar żminijiet kreattivi u għammiela fejn tidħol il-letteratura. Insemmu t-twaqqif tal-Moviment Qawmien Letterarju fl-aħħar tas-Sittinijiet u bidu tas-Sebgħinijiet, li wassal għall-inbiet ta’ awturi li taw l-ifjen poeżija u proża moderna talanqas sat-Tmeninijiet. Il-fatt li diġà għandna ħjiel fl-1992 li P. Feliċjan Bezzina kellu f’rasu jippublika l-opra tiegħu, jidher li dan il-proġett hu kien qiegħed jarah bħala wieħed sħiħ. Tinbet waħedha l-mistoqsija dwar l-għaliex Bezzina ddawwar daqstant sal-2020 biex jasal biex fl-aħħar jgħaddi l-materjal għall-pubblikazzjoni.
Jidher ċar li P. Feliċjan konxjament ried li jippreżenta fil-beraħ il-viżjoni tiegħu tar-Realtà bħala waħda sħiħa u misjura. Bħal alkemista, huwa ttanta jsaffi, isajjar u jipperfezzjona l-metall komuni f’wieħed prezzjuż, sa ma’ jasal li jsib dik il-ħaġra filosofika tal-Għerf kontemplattiv li waħdu jwassal lill-bniedem, u miegħu lill-ħolqien, għall-milja li għaliha ġie maħluq.
Jalla din l-ewwel edizzjoni ta’ parti mid-Damma Poetika twassal sabiex l-opra ta’ P. Feliċjan tiġi studjata u tkun ukoll tessera oħra fil-mużajk poetiku u letterarju Malti.