Out of stock
Il-vantaġġ tal-poeta jinsab, qabelxejn, fil-ħila istintiva li jegħleb il-limitu taż-żmien u l-post. Il-lirika tiegħu mhix databbli, anzi taħrab minnufih, bħallikieku ffastidjata minn provokazzjoni, kull inkwadrazzjoni ta’ ambjent jew tensjoni storiku-kulturali. Fuq kollox, Mizzi mhuwiex Malti, għad li qiegħed jikteb din il-paġna ta’ valur ewlieni fil-poeżija ta’ pajjiżu. Il-komponent lokali hu, f’termini Aristoteliċi, il-fundament storiku partikulari li fuqu jibni, biex jaħbi l-fundament, it-torri għoli tat-tifsir kożmiku.
Oliver Friggieri
Achille Mizzi jitqies wieħed mill-aħjar poeti Maltin ta’ żmienna. Meta niflu l-poeżiji tiegħu mis-sittinijiet ’l hawn insibu li huwa spiss ispirat mit-teknoloġija l-ġdida, mid-dinja primittiva, u mill-mitoloġija li għandha sinifikat universali għalih. Sikwit nilmħuh waħdu jterraq u jfittex l-enigma tal-ħajja; imma fil-fatt huwa vjaġġatur soċjali involut fil-meditazzjoni eżistenzjali. Il-poeżija tiegħu hija frott tal-uġigħ intellettwali u d-dwejjaq spiritwali li jnixxu mit-tħassib tiegħu meta jara lid-dinja fi kriżi. Hija poeżija li tiddiskuti kwistjonijiet umani fundamentali li jgħinu ċ-ċiviltà għax, kif jgħid Whitehead, il-poeżija “seek[s] to express that ultimate good sense which we term civilisation.”
Charles Briffa