Edituri: John P. Portelli, David Aloisio
L-antoloġija Il-Ħsad tal-Peprin (2024) tipproponi l-espressjoni kollettiva ta’ diversi poeti Maltin li ma felħux jibqgħu siekta quddiem il-ħruxija mġarrba mill-Palestinjani, speċjalment wara l-iżviluppi f’dawn l-aħħar xhur. Aloisio u Portelli, l-edituri ta’ din il-ġabra, jistiednu lill-qarrejja biex jesploraw il-medda ta’ emozzjonijiet espressi f’dawn il-poeżiji: xi minn daqqiet tbaqbaq fihom l-empatija, drabi oħra l-versi jinħakmu mid-diqa u mis-sens ta’ frustrazzjoni ta’ min jaf li ma jista’ jagħmel xejn biex itaffi, imqar ftit, it-tbatija mgħejxa mill-bnedmin u kkawżata mill-bnedmin li suppost jafu aħjar. Il-qari ta’ din l-antoloġija jista’ jikxef ukoll is-sens ta’ tama li din l-inġustizzja traġika għad tintemm darba għal dejjem. B’sapport għall-poplu Palestinjan, il-qligħ kollu mill-bejgħ ta’ din il-ġabra se jingħata lill-Medical Aid for Palestinians, l-għaqda li taħdem għas-saħħa u d-dinjità tal-Palestinjani li jgħixu taħt l-okkupazzjoni jew bħala refuġjati. Dan il-ktieb, mitbugħ mill-Horizons bl-għajnuna tal-Ministeru tal-Kultura, huwa qatra oħra fil-mewġ favur il-ġustizzja soċjali u s-sliem dejjiemi bejn il-poplu Lhudi u l-poplu Palestinjan.