Matteo, min-naħa jgħix bejn it-thewdin u t-treddin li jidwi f’rasu minn moħħ li ma jiqafx, u mill-oħra, il-kuntatt mad-dinja ta’ barra. Ħsibijiet, ħsus u sensazzjonijiet, bħal riħet il-betula, iqajmuh għal tifkiriet mgħoddija, li jgħaddu minn quddiem għajnejh u quddiem il-qarrej mingħajr ordni jew sekwenza. Id-dinja ta’ barra li tibqa’ għaddejja bir-ritmu tagħha, tiżvolġi bħal sottofond għal dak li jgħaddi minn moħħu, u fl-istess ħin tiġi mistħarrġa b’distakk.
Ħwejjeġ ta’ kuljum, ġrajjiet storiċi, tbatija siekta, u ħsibijiet moħbija jitfanndu flimkien fi ġrajja meqjusa u melankonika. Huma u jterrqu ma’ Matteo fil-kurituri ta’ moħħu u l-frammenti ta’ ħajtu hawn imniżżla, il-qarrejja mistiedna jħallu dan ir-rumanzett ta’ diqa siekta, jistedinhom biex huma wkoll iħallu ħsibijiet, ħsus u sensazzjonijiet tal-imgħoddi jiġbduhom fid-dinja ġewwinija tagħhom magħġuna minn tifkiriet li jidhru frammentati, imma li jsenslu l-misteru tal-ħajja. Kull wieħed mill-għaxar kapitli jista’ jinqara għalih waħdu, iżda kollha flimkien isenslu ġrajja waħda minsuġa mir-riflessjoni u l-ħsus ġewwinija tal-protagonist.



