(pubblikazzjoni www.horizons.com.mt, paġni 308)
Apprezzament ta’ Tarċisju Zarb
Daħla
Il-kelma ‘dell’, għalkemm ma fihiex toqol fiżiku, fiha hemm toqol bla qiegħ f’dik li hija qagħda subkonxjuża, prikonxjuża, inkonxjuża u l-bqija. Għax hija turija ċara tas-‘swidija’, li hemm taħkem fina l-bnedmin, li xi darba jew oħra ltqajna ma’ xi skontru jew inkontru li fih tbenġilna, u waqtiet tbenġilna bl-ikrah. Tant hu hekk li nqattgħu ħajjitna għaddejjin nikkustinjaw bejnna u bejn ruħna, fid-diwi ta’ ġo fina ma’ dawn id-dellijiet. Ma’ dawn it-trawmi, li għandhom ħabta kif ifiġġu u jfeġġu minn żmien għal ieħor, biex jgħidulna: Hawn aħna nikkmandaw. Aħna l-istess liwjiet narrattivi tagħkom. U intom m’intomx ħlief ir-reffiegħa tagħna. U tgħidu, x’tgħidu u tagħmlu x’tagħmlu, aħna se nkomplu nidderieġu l-bastiment aħna.
U għaldaqstant dawn id-dellijiet isiru l-persekuturi, il-persekuzzjonijiet perenni ta’ ġo fina, jekk xejn, il-persekuzzjonijiet tal-karattri li nsibu fil-protagonisti ta’ dawn in-novelli, novelli, li ma joborxux biss il-wiċċ tan-narratoloġija, imma jidħol f’qiegħ il-qiegħ tas-sotterran tal-karattri ppersegwitati li jgħixu u jgħammru ġo fihom.
U huma sewwa dawn id-dellijiet, hekk imsejħa Jungjani, li jibqgħu jidderieġu u jmexxu d-destin ta’ dawn il-karattri, anke meta dawn l-istess dellijiet ikunu spiċċaw infgaw, jew intesew taħt braġ ta’ żmenijiet, u avventuri u miżavventuri oħra. Il-karattri ta’ dawn in-narrattivi huma karattri mgħaffġa. Iddeterminati minn dak li seħħ jew seta’ seħħ darba. U d-darba hija dabra u dabra ta’ veru. Hija dell. Mhux id-dell li jkennen, imma d-dell skabruż li jurik li hemm id-dlam. L-inkubu. Il-biża’, l-inkwetudni, id-diqa, id-dipressjonijiet
immaġinarji li wieħed jista’ jsib ruħu kkakkmat fihom tul ħajtu.
U dan l-awtur, konxju bħal qisu minn dan it-tip ta’ dagħbien psikoloġiku jasal biex jagħrfu f’dil-miġemgħa ta’ personaġġi li jsibu ruħhom jabitaw dawn in-narrattivi tiegħu. Narrattivi ppersegwitati. Narrattivi, ta’ min darba waħda nqabad f’xi nasba, jew f’xi temp sab ruħu f’inkubu, jew f’xi waqt instaram f’xi saram, b’tali mod u manjiera, li issa, jitqabad kemm jitqabad m’hemmx ċans li jinfeda.
U l-karattri kollha ta’ dal-pajsaġġ narrattiv, hawnhekk, f’dil-ġabra narrattiva ta’ Joe Camilleri jsibu l-ospizju tagħhom, ospizju, madankollu li għalih m’hemmx xquq ta’ tama. Id-dell jibqa’ dell, jibqa’ dell, jibqa’ dell li jdellel il-personaġġi ta’ dawn in-naħiet ta’ din il-qagħda ta’ ruħ.U minkejja, li llum il-ġurnata, hawn, u hawn għadd ta’ metodi li permezz tagħhom wieħed jista’ jkollu terapija għal din il-qagħda tad-dell Jungjan, għal dawn il-personaġġi, din tinħass ’il bogħod, u ’l bogħod ħafna, tant li l-uniku fil li jgħaqqadhom hu t-tirfigħ ta’ din il-qagħda perenna għaddejja l-ħin kollu ssus fuqhom u ġo fihom, fil-labirinti intimi ta’ ġo fihom. Huma labirinti, li dwarhom ma jidhirx li hemm bibien jew twieqi ’l barra minnhom, għax kulma
qiegħed jiġri huwa ġewwa u ’l ġewwa, ’il ġewwa ġewwa fihom.
U b’dan il-mod, dawn in-narrattivi…din in-nixxiegħa ta’ konxjożità…tinħass għaddejja titberraħ quddiem għajnejna, hekk kif aħna nħitu istant ma’ istant ma’ istant li jkun wassal biex il-protagonista li dwaru jkun qiegħed jitkellem jispiċċa bħal r-reffiegħ ta’ min jinsab b’katavru fuq spalltu għaddej fit-travalji tal-ħajja. U biex nagħtu ħjiel ta’ x’inhuma dawn id-dellijiet u r-reffiegħa tagħhom, se nagħti xi ftit leħħiet dwar dawn in-narrattivi – narrattivi li jintrabtu ma’ xulxin b’saħħa ta’ awtur li jaf, jagħraf u jifhem mhux biss in-naħa ta’ fuq tal-istejjer tagħna l-bnedmin, imma wkoll, u aktar qiegħ nett dawn l-istess narrattivi.
Xi eżempji
U f’dan id-dawl għandna mnejn nifhmu xi wħud min-novelli li nsibu f’din il-ġabra ta’ novelli ta’ Joe Camilleri. Għaldaqstant, fin-novella “Mill-imgħoddi tirxoxta l-weġgħa” aħna niltaqgħu ma’ protagonista, li minkejja li għamel minn kollox biex jaħrab minn imgħoddi li fih kien żbalja u żbalja bl-ikrah fil-konfront ta’ ħuh, li kien spiċċa ferut bl-ikrah u li sofra bis-sħiħ, riżultat tad-daqqa ta’ sikkina li kien tah meta kien għadu tifel, xorta waħda jibqa’ ma jirnexxilux jikseb il-maħfra li huwa tant xtaq li jikseb. It-tbegħid fl-Awstralja, u f’aljenazzjonijiet oħra, xorta waħda ħallewh jidher bħala t-‘tirann’ f’għajnejn ħuh, li fih kien jara dak il-bniedem li ħassarlu ħajtu bl-ikrah. Dawn is-siltiet juru xi naħiet minn din l-esperjenzjalità: L-imgħoddi ġġedded… Il-ġlieda li qamet meta kont ħtaftlu l-ġugarell tal-landa li ddobba f’għeluq sninu. Jien ukoll deherli li kelli dritt għalih. (…) F’telfa ta’ rabja kont ħfint is-skkina ta’ fuq il-mejda. Għollejt driegħi. Fil-waqt kien baxxa rasu. Ma nafx kienqabel jew wara. (…) Imma lħaqt ħażżejtlu sing.
U min-naħa l-oħra “It-tieqa fil-għoli” hija, hija wkoll novella li titkellem dwar id-dell tal-imgħoddi, u kif kittieb immaġinattiv joħloq grupp li fih il-membri setgħu jesprimu dak kollu li kien qiegħed ikiddhom, biex b’dan il-mod ikunu jistgħu jsibu xi tip jew ieħor ta’ terapija, anke jekk jiġri li riżultat ta’ dan l-istess grupp, il-kittieb-studjuż jispiċċa biex waħda mill- parteċipanti tinfatwa ruħha fuqu, b’tali mod u manjiera li kien hemm iċ-ċans li din kienet għamlet suwiċidju, minħabba li hu ma riedx li jeċċedi l-ħbiberija li kienet nibtet bejniethom.
Hawnhekk id-dell ta’ dak li ġara, jibqa’ jsus warajh, għax anke hu kien reffiegħ ta’ dell. F’ “Dellijiet ta’ żewġ nisa” min-naħa l-oħra naraw kif il-ġibda tal-protagonista għall-ewwel mara tiegħu, li għandna nifhmu mietet qasir il-għomor, u t-tfajla li kienet lagħbitu u serqitu, imma li dan għamlitu għax binha kellu tumur, kienu żewġ dellijiet li ħakmuh u ħakmuh bl-ikrah. Il-protagonista hawnhekk jinħass li ntrebaħ minn ‘dell’ martu u l-ġenerożità endemika fih.
“Is-sewda tiegħu” min-naħa l-oħra ma kinetx ħaġa oħra ħlief il-karozza li kien jaħdem biha u kellha tispiċċa kif spiċċat, imma li hu kien rabat qalbu magħha bl-ikrah, tant li kienet saret tagħmel parti minnu kif jidher minn kif tagħlaq din l-istess novella: “Il-qafas sfigurat wassal l-għafja aħħarija tal-kundanna. Is-sewda tiegħu issa kienet bla ħajja. tistenna karru biex iġorrha lejn għalqa-qabar tar-rimi, tal-abbandun u tan-nisi. Id-dell vjola rieżaħ li mill-għoli tefgħet fuq il-qiegħa tal-art kien l-aħħar dehra kiesħa li ra tagħha. Kien jaf li dak id-dell kellu jergħu hu wkoll. Iġorru miegħu, l-aktar fil-ħolm tal-lejl.”
U “Ħolma ta’ unur” tkompli ddaħħalna f’din id-dinja fejn l-imgħoddi jibqa’ jeżerċita ruħu fil-preżent, u l-poeta li issa jinħass li kien qiegħed ibati mid-dimenzja, jinfixel u jinfixel bl- ikrah meta jibda jħallat l-immaġinazzjoni mar-realtà. U f’din in-novella, niltaqgħu sewwa sew ma’ din il-qagħda ta’ ruħ – qagħda ta’ min tilef il-kuntatt mar-realtà u sab ruħu jgħix f’realtà misħtajla, immaġinarja, surrealistika, imma li hu kien għamilha bħala r-realtà reali, imma minkejja l-falza stikka li ħa, u li mar għal dik li skont l-immaġinazzjoni tiegħu kellha tkun serata ta’ unur għalih, xorta waħda jagħlaq billi jgħid: “Forsi jien ninsab fid-dinja tiegħi,’ ħaseb. ‘Iva fid-dinja tal-ħolm hija d-dinja tiegħi.’ / “Jien poeta,” beda jgħajjat u jxejjer dirgħajh. / Kien hemm ħafna li daħku f’wiċċu. (p. 188)
U fi “Sfumaturi” niltaqgħu mal-protagonista li ġo fih kienet tinħass ix-xewqa li jelimina darba għal dejjem it-tifkira ta’ martu, għax bħal qisha kienet daħlet ossessjoni ġo fih, li hija kienet dik li ħaditlu kollox. U dan minħabba l-fatt li hija kienet daħlitlu fl-ispazju tiegħu tal-każin u l-politika, li għalih kienu jiġu l-ewwel u qabel kollox, u fil-proċess, anke sawret lill-istess uliedu fl-istess sura tagħha. Imma sadattant jinħass li l-protagonista: “M’għarafx li fil-kilba kbira biex ixejjen il-memorja ta’ dil-mara ma kien qiegħed jagħmel xejn għajr jipprova jeqred il-falliment tiegħu.” (p. 199)
Min-naħa l-oħra f’ “Laqgħa ta’ bla ħsieb”, niltaqgħu ma’ koppja miżżewġa li xellfu difirhom ma’ xulxin, minħabba l-fatt li hu kien indiehes daqsxejn, jekk xejn bi kliem ma’ mara li kienet ġara tagħhom, u li din id-dehisa xejn ma kienet għoġbot lil martu, tant li kellu jitlaq lil martu u jmur joqgħod m’ommu. Jiġri, madankollu li ommu timrad, u hawnhekk jerġa’ jiltaqa’ ma’ martu, li tibda tgħolli sas-seba’ sema lil ommu, biex b’hekk tkun tista’ tmaqdar lilu. U hu, min-naħa tiegħu, baqa’ sieket sieket, biex ma jgħidilhiex, kemm ommu kienet tgħidlu kontriha, u kemm ma kinetx ‘iġġerraħha’. Għax hu kien tal-fehma li: Ma kien sejjer jieħu xejn billi jċarrat l-istampa ideali li għal raġun jew oħra kien sawwar moħħha dwar ommu./ Mela ħalliha ħa tibqa’ tgħix il-fantasija. Minnha tibqa’ tgawdi ruħ ommi.’/Kien jaf li għalih, il-ħolma ta’ hena matrimonjali kienet spiċċat. Bil-vleġeġ ta’ akkużi li regħet qanqlet, dil-laqgħa ta’ bla ħsieb aktar issiġillat il-fehma tiegħu li jibqa’ jgħix għal rasu f’darommu. (p. 269)
L-istil
L-istil ta’ Joe Camilleri huwa dejjem mexxej, ‘spedit’ u naturali, anke meta huwa jikteb b’mod analitiku u riflessiv dwar il-qagħdiet ta’ ruħ tal-istess karattri tiegħu. L-esperjenzjalità tiegħu f’oqsma varji ta’ narrattiva, analiżi kritika, estetika u l-bqija, bil-fomm u bil-kitba, jgħinuh biex iwassal sewwa sew il-qagħda ta’ ruħ tal-protagonisti tiegħu. Għax Joe Camilleri, illum sar in-narrattura, li jagħraf jorbot l-aneddotalità, in-narrattiva, l-istorjetà ta’ karattri, ma’ temi / qagħdiet mentali li għandhom elmenti komuni ma’ xulxin. B’dan il-mod, il-karattri varji tiegħi, lil hinn mill-ambjentazzjoni li jsibu ruħhom fihom, huma karattri li f’qiegħ qiegħhom għandhom xi ħass/element/perċezzjoni subkonxjuża li qiegħda torbothom u trabbathom ma’ xulxin.
Hawnhekk huwa d-dell tal-imgħoddi bil-konotazzjonijiet kollha varji tiegħu, li jorbot u jsensel ma’ xulxin lil dawn il-karattri. Sadattant, madanakollu aħna nissieħbu ma’ dawn in-narrattivi intimi tagħna lkoll billi noborxu xi ftit minn dawk id-dgħjufijiet, trawmi, qagħdiet mentali u l-bqija, li xi darba jew oħra aħna nkunu ltqajna magħhom matul ħajjitna. Sadattant dawn in-novelli jinftiehmu u jistgħu jinqraw minn kulħadd, għaliex huma mexxejja f’dik li hija narrattiva, lingwa u fluss tas-sentenza – fluss ta’ sentenza li minnha nnifisha turina sens qawwi ta’ narratur li mhux kapaċi jagħraf, jifhem u jidħol fil-motivazzjonijiet tal-karattri, imma wkoll li jsib elementi u aspetti għaqqidija bejn dawn l-istess karattri. Joe Camilleri, kif sostnejt f’kitbiet oħra huwa awtur li mhux biss għandu jinqara minn kull tip ta’ qarrej, imma tajjeb ukoll li jkun hemm xi student/a, li jagħraf jidħol biex janalizza aktar fil-fond is-sehem tiegħu fil-qasam tal-kitba tan-novella bil-Malti. U dan, jekk xejn, minħabba li fil-kitba tiegħu hemm omoġeneità’ – hemm fasla ta’ narrattivi u qagħdiet soċjali, mentali u l-bqija li jintħietu ma’ xulxin b’sottosfond jekk xejn psikoloġiku komuni – sottosfond li jappartjeni mhux biss għall-karattri li niltaqgħu magħhom f’dawn in-narrattivi partikolari, iżda wkoll ta’ karattri oħra lil hinn minn dawn in-narrattivi – tagħna lkoll. Dan il-fil għaqqiedi u sostnut f’dawn il-kitbiet juri li Joe Camilleri bħala awtur ma jiqafx fis-sempliċi narrazzjoni tal-wiċċ, li tagħhom għandu ħakma b’saħħitha u unika, imma aktar minn hekk, huwa jifhem, jagħraf u jtenni jiskopri da il-pajsaġġ inerentment komuni bejn il-personaġġi tiegħu, u l-personaġġi l-oħra kollha lil hinn minn dawk li niltaqgħu magħhom f’dawn in-narrattivi. Fi kliem ieħor, il-personaġġ jien, int, hi, huma u aħna lkoll. Dan minnu nnifsu huwa xiehda ta’ min huwa midħla sewwa ta’ qiegħ l-ajsberg Frewdjana, li teħodna lil hinn minn dak li jidher, imma li f’qiegħ qiegħna hemm tributarjitajiet għaddejjin il-ħin. Huma dawk id-dellijiet Jungjani li jitolbuna biex aħna niskopruhom, naffaċċjawhom, ngħiduhom u niktbuhom, għaliex b’hekk aħna nkunu nistgħu nirbħuhom, anke jekk dan rarament jiġri/jissuċċiedi fin-narrattivi ta’ Camilleri. U dan, Joe Camilleri jagħmlu bi skop, għax huwa mhuwiex it-terapista Jungjan li qiegħed hemm biex jgħidilna biex niktbu l-journals tagħna, naffaċċjaw l-inkubi tagħna, nitkellmu dwarhom u l-bqija, imma huwa n-narratur li jżomm id-distanza estetika bejnu u bejn dawn l-‘erwieħ’ ifflaġellati u mgħobbija b’dellijiet li huma tqal daqs l-istess ħajja tagħhom.
Fost xogħlijiet oħra Joe Camilleri tana Solitudni fil-Folla; Fir-rokna tas-silenzju; Żwiemel tar-riħ; Mużajċi tat-Tafal; Ir-Raġel tas-skiet; Dwal mill-Kantini; L-eku tal-Ħabbata, u Faċċati.