Michael Cini

 

Apprezzament ta’ Joseph P. Borg

 

Michael Cini feġġ fix-xena letterarja tagħna ħames snin ilu, bir-rumanz Preżenza (2014) – rakkont imħawwar sewwa b’esperjenzi misterjużi magħġuna fiċ-ċpar ta’ bejn id-dinja ta’ hawn u d-dinja ta’ hemm.

Imma mbagħad għat-tieni rumanz tiegħu bit-titlu Ix-Xafra tad-Destin (2015), kif jistqarr l-awtur stess, għażel li jgħaddi lill-qarrejja tiegħu “mill-bieb tal-istorja… f’avventura qalbiena fi żmien l-Assedju l-Kbir tal-1565”.[1] Bid-differenza li filwaqt li r-rumanzi storiċi li għandna marbutin mal-Assedju l-Kbir ġeneralment insibuhom ambjentati fl-inħawi tal-Port il-Kbir, din id-darba l-awtur għażel li jagħtina “l-esperjenzi mill-qrib li kienu għaddejjin minnhom nies oħrajn, li għalkemm kienu xi ftit ’il bogħod, xorta waħda kienu qed iġarrbu l-biża’, in-niket u taqtigħ il-qalb kbir.” [2] Fil-fatt il-protagonisti ewlenin f’dan ir-rakkont huma l-abitanti tal-Imdina u tal-madwar. Għandna għalhekk il-fatti storiċi mwaħħdin fi ġrajja patrijottika, qalbiena u mqanqla fl-imħabba; ġrajja li tagħti ħarsa mill-aktar oriġinali billi tiffoka u tqim liċ-Città Notabile f’għeluq l-450 sena mill-Assedju, kif fil-fatt jindika s-sottotitlu tal-ktieb: “L-Imdina 1565”.

Wieħed għaldaqstant jintebaħ kemm l-awtur huwa (1) sensittiv lejn l-istorja ta’ art twelidu, hekk li jsawwar rakkont epiku ma’ ġrajja importanti marbuta b’mod intrinsiku mal-gżejjer Maltin u daqstant ieħor mal-Ewropa Nisranija – kif jikkonferma Voltaire innifsu: “m’hemmx ġrajja aktar magħrufa mill-Assedju ta’ Malta” [3]; (2)  responsabbli bħala awtur li jħossu wkoll fid-dmir li jimmarka l-anniversarju importanti (450 sena), kif jistqarr fil-paġna dedikata lill-‘Memorja’: “Dan ir-rumanz ifittex li jfakkar il-memorja ta’ dawk missirijietna li, bis-sehem tagħhom kollha ntrebaħ l-Assedju l-Kbir ta’ Malta – 1565 – għax b’ħilithom u bil-qlubija kbira li wrew huma, trażżnet l-invażjoni tal-Imperu Ottoman fl-Ewropa Kristjana”; (3) demokratiku – fis-sens li jrid jinkludi lill-poplu kollu kemm fis-sagrifiċċju li għadda minnu mit-theddida Musulmana u daqstant ieħor fir-rebħa fuq l-għadu: “veru li l-qofol tat-taqbid u l-ġlied seħħ madwar il-Port, iżda mhuwiex xieraq li nħallu barra l-qlubija li wrew l-irġiel, in-nisa, ix-xjuħ u anke t-tfal li kienu għall-kenn tas-swar dgħajfin tal-Imdina. U xi ngħidu għas-suldati u r-rikkieba tal-Kavallerija tal-Ordni li ħafna minnhom kienu Maltin, u li ta kuljum kienu joħorqu minn din il-belt biex jagħtu sehemhom kemm jistgħu?” [4]

Huwa minnu li għar-rumanz li kien imiss, Michael għażel li jolqot aktar ’il ġewwa fil-laħam il-ħaj. Għax anke jekk din id-darba jagħtina rakkont li fih jesponi t-tbatija li jgħaddu minnha dawk li jfallilhom iż-żwieġ u jgħaddu mit-trawma tas-separazzjoni, b’danakollu, ir-rakkont Skjava … fil-Ktajjen tal-Imħabba (2016) xorta waħda jorbot ma’ tema li hi mill-aktar għal qalb l-awtur: l-imħabba. Din id-darba, però, id-djarju ma jibqax nazzjonali imma jsir intimu, anzi privat.

Michael Cini jerġa’ mill-ġdid imidd għonqu għal ġrajja epika oħra, mogħnija bi qlubija, glorja u patrijottiżmu bir-rumanz Konvoj (2017) din id-darba f’għeluq il-75 sena mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija jew kif kienet magħrufa mill-Alleati, “Operation Pedestal”. Aktar minn qatt qabel, il-qarrej hawnhekk jirrealizza kemm l-awtur kapaċi jissinkronizza rakkont fittizzju ma’ ġrajjiet li seħħew tassew u huma ddokumentati fil-paġni tat-Tieni Gwerra Dinjija b’reqqa u b’xhieda ta’ min ra u miss b’idejh.

Jekk fix-Xafra tad-Destin l-awtur ħa ħsieb ifittex fl-arkivji, jaqra d-djarji u jqalleb il-mapep qodma, jirriċerka t-toponomastika u jeżamina l-affreski ta’ Matteo Perez d’Aleccio, din id-darba, xejn inqas – anzi pjuttost bil-wisq aktar – ħass mill-ġdid il-mantell tqil tar-responsabbiltà lejn l-istorja u kif ifisser fid-daħla ta’ Konvoj – Il-Ġrajja li Naf Jiena Biss, “irriċerkajt minn bosta dokumenti u sorsi differenti, ħafna drabi b’diskrepanzi bejniethom, sakemm fl-aħħar irnexxieli noħloq ir-rumanz li xtaqt jien. Rumanz li minkejja t-tagħrif storiku li fih, xorta waħda jibqa’ pjaċevoli u mexxej mingħajr ma jtaqqal moħħ min iħobb jaqra r-rumanzi”.[5]

U hawn hu l-qofol ta’ kollox. Hija r-riċetta qadima li fissirha tant tajjeb Orazju f’De Arte Poetica: l-‘utilis’ flimkien mad-‘dulcis’ – kif ifissrilna Oliver Friggieri fid-Dizzjunarju tat-Termini Letterarji – ‘il-prinċipju klassiku, addattat u żviluppat minn żmien għal ieħor, li l-kittieb għandu jkun ta’ fejda u jagħti pjaċir’:

Poeta jkun ta’ fejda jrid jew jgħaxxaq

jew jgħaqqad f’daqqa ħwejjeġ kollhom hena

m’oħrajn tajbin għall-ħajja.

Laħaq kull għan li kellu min lis-siewi

mal-ħelu ħallat, għaxxaq lill-qarrejja

filwaqt li għallem.[6]

 

Fi kliem ieħor: hi l-‘formola tas-suċċess tal-kittieb; l-għoti tal-pjaċir (dilictare) u l-għoti tat-tagħlim (prodesse) minsuġin f’għemil wieħed hekk li jgħaqqad forma sabiħa ma’ kontenut siewi.[7] Dan l-aspett didattiku jinħass bħala impenn min-naħa tal-awtur: il-letteratura b’funzjoni li tgħallem, imqar billi tfakkar u tnissel fil-poplu sens ta’ rikonoxximent, għarfien u gratitudni lejn missirijietna li bnew in-nazzjon li qed ngħixu fih illum.

Awtur b’ħames rumanzi wara ismu mhux bilfors li jkun laħaq jew resaq qrib il-quċċata artistika tiegħu imma żgur li jħoss jistrieħ fuq spallejh il-mantell tar-responsabbiltà lejn il-qarrejja u l-pubblikatur tiegħu u fuq kollox miegħu nnifsu. Jeħtieġlu għaldaqstant iħares kemm il-ħsieb Orazjan kif ukoll il-livell miksub diġà bid-dijeġesi tiegħu.

Illum qed niċċelebraw, flimkien ma’ ħames rumanzi oħra, is-sitt rumanz ta’ Michael Cini bit-titlu Eroj – Mħabba u Qlubija fis-Sette Giugno. Huwa rumanz li jistrieħ fuq il-formola li semmejt aktar qabel: (1) marbut mal-patrija billi jigglorifika ġrajja ewlenija li seħħet tassew fi gżiritna; (2) jiċċelebra anniversarju importanti, f’dan il-każ iċ-ċentinarju mill-irvellijiet li seħħew fis-7 ta’ Ġunju 1919; (3) demokratiku għax huwa rumanz “imnebbaħ mit-tiġrib u mill-ideali tan-nies komuni; rumanz mibni fuq ix-xejriet reali tan-nies tat-triq meqjusin bħala l-qofol tas-sistema tal-għajxien soċjali… ta’ xeħta kemm romantika u kemm realista, itella’ fil-wiċċ l-esperjenza ta’ nies meħudin mill-kotra li issa hi mifhuma bħala dik li għandu jkollha s-setgħa f’idejha. Il-ħtieġa li sseħħ il-ġustizzja fost il-klassijiet tas-soċjetà hi waħda mix-xejriet ta’ dan ir-rumanz.” [8]

Qabbel din it-tifsira ta’ Oliver Friggieri meta jagħti d-definizzjoni ta’ ‘rumanz demokratiku’ mal-istqarrija  tal-awtur innifsu fil-Kelmtejn Qabel:

Kienu x’kienu l-ġlidiet, minkejja l-iskopijiet varji li kien hemm warajhom u d-differenzi fil-politka u l-klassijiet soċjali ta’ bejn il-ġellieda li kienu qegħdin jikkumbattuhom, dakinhar tas-Sette Giugno ltaqgħu lkoll flimkien biex ingħaqdu f’forza waħda. Mewġa qawwija ta’ saħħa li daqs l-aqwa rivoluzzjoni, qamet tħabbat kontra l-blat iebes li kien jaħkimha. Uragan li kien ilu jiġma’ u jimtela bi dwejjaq, inġustizzji u sofferenzi ta’ poplu. Tant li bid-dagħdigħa ħarxa li sab ruħu fiha, issawwar f’folla patrijottika li magħquda f’poplu wieħed, issieltet bla rażan biex sa fl-aħħar irnexxielha tgħolli rasha, issemma’ leħinha… u turi snienha.

Minn dakinhar, il-poplu Malti beda bil-mixja qalbiena tiegħu għall-awtonomija politika li ngawdu aħna llum.[9]

Il-qarrej kolt li jixtarr in-narrattiva Maltija u jaf jiżen bejn rumanz u ieħor jista’ jikkunsidra li jikklassifika r-rakkont il-ġdid ta’ Michael Cini mar-rumanzi soċjorealisti, ngħidu aħna ta’ Ġużè Chetcuti (Qabel Telgħet ix-Xemx, Il-Mandraġġara, L-Isqaq), L-Ibleh ta’ Ġużè Orlando u Tejbilhom Ħajjithom ta’ John F. Marks. Imma jidhirli li Eroj aktar jidentifika ruħu bħala rumanz demokratiku speċjalment meta wieħed iqis li fil-qofol tiegħu, magħġuna mal-ġrajja ta’ mħabba bejn Anġlu u Serafin, hemm it-tqanqila tal-kotra li qed tissielet biex tieħu s-setgħa f’idejha. Il-kritiku jista’ jikkunsidrah bħala rumanz popolari wkoll, fis-sens li jfittex il-gosti tal-kotra u fuq kollox “huwa rakkont ħafif imfassal biex jiddeverti u aktarx biex jgħallem, u sikwit biex jolqot l-emozzjonijiet” [10] Daqstant ieħor huwa rakkont epiku, xhieda kważi dokumentata ta’ rivoluzzjoni do minore; mument erojku li permezz tiegħu l-awtur qiegħed ukoll isellem lir-rumanzi storiċi li fl-epopea tagħhom ukoll taw xhieda ta’ ġrajjiet mimlija ġieħ, eroj u qlubija.

L-eroj ta’ Michael Cini huma pjuttost edukati u istruwiti minkejja l-miżerja li trabbew u li sabu ruħhom fiha. Hawnhekk m’għandniex il-klassi l-baxxa, aljenata u injoranta kif insibu fir-rumanz ċelebri Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo. Bil-kontra, huma karattri konxji tal-qasma li hemm bejn il-poplu u l-ħakkiem, bejn is-sid u l-ħaddiem. B’mod partikulari l-protagonista, u saħansitra sensittivi għall-klassi soċjali li twieled fiha kif ukoll xprunat u aġġornat fl-attività politika li qed isseħħ madwaru.

Hawnhekk mhux il-waqt li nidħol fil-kontroversja storika tas-Sette Giugno – x’ġara eżatt dakinhar inħalluh f’idejn l-istudjużi tal-istorja. B’danakollu wieħed irid japprezza l-fatt li Michael, bħalma għamel b’reqqa kbira għar-rumanzi tiegħu Ix-Xafra tad-Destin u Konvoj, ħa ħsieb jirriċerka u jgħarbel il-kotba tal-istorja, ħa ħsieb jifli l-għejun biex minnhom jislet u jfassal il-ġrajja fi ktieb pjaċevoli. Bħall-awtur, jien ukoll fi tfuliti u f’żgħożiti sibt lil min għall-finijiet ta’ moħħu ried iċekken din il-ġrajja u jneżżagħha minn waħda sinifikanti għal frattarija magħmula minn salt ħamalli li dakinhar u l-għada riedu jaħbtu għall-importaturi tal-qamh u bini ieħor tal-gvern kolonjali, bl-opportunisti jisirqu mill-ħwienet u jkissru u jfarrku kulma ġie f’idejhom. Daqstant ieħor gvern wara l-ieħor żammew l-appuntament mal-istorja ta’ pajjiżna u nqdew bil-vittmi biex irewħu l-propaganda lis-segwaċi tagħhom.

Hi għalhekk importanti u kruċjali l-istqarrija li r-rumanzier jagħmel qabel jibda r-rakkont tiegħu:

Il-binja ta’ dan ir-rumanz ma kinetx waħda faċli għaliex jien u naqra, minn studju għal ieħor bdejt insib interpretazzjonijiet u verżjonijiet differenti b’bosta diskrepanzi bejniethom. Madanakollu, ippruvajt noħloq bilanċ biex sawwart il-ġrajja li kelli f’moħħi filwaqt li bqajt fidil lejn l-istorja ta’ Malta. B’hekk irnexxieli noħloq rumanz mimli azzjoni kif ukoll imħabba, li b’kitba mexxejja u mingħajr ma jtaqqal moħħ il-qarrej jagħti stampa ċara tal-kuntest, flimkien mal-kurrenti li wasslu għall-irvellijiet tas-Sette Giugno. [11]

Aktar minn hekk, fi tmiem ir-rakkont l-awtur jistieden lill-qarrej ikompli jiskopri billi jaqra aktar bil-għan li jiżen il-fatti: “tajjeb li wara li taqra kitbiet ta’ xejriet politiċi differenti, inti wkoll tifforma l-opinjonijiet tiegħek dwar dak li ġara, u għaliex kellu bilfors iseħħ dak kollu fil-kuntest ta’ dawk iż-żminijiet.” [12]

Tajjeb ngħidu wkoll li ftit kienu r-rumanziera li ħadu ħsieb ifakkru dan il-mument importanti fl-istorja tan-nazzjon tagħna. Jidhirli li Ġużè Chetcuti biss, bid-dramm soċjopolitiku tiegħu 1919, li ħa ħsieb jimmarka l-avveniment f’sens letterarju. Fi kliem Chetcuti stess:

Il-forn li minnu ħareġ ibaqbaq in-nar tar-rewwixta kien jinsab ġot-tarzna. In-nar kien ilu jagħti. Ma xegħelx f’daqqa. Il-ħaddiema tat-tarzna kienu ilhom juru d-dwejjaq tagħhom. ‘Għadd minnhom, jgħidilna Ġeraldu Azzopardi, kienu jaraw u jinteressaw ruħhom fil-kustjoni soċjali, fil-politika tal-pajjiż, kienu mħarrġa fil-ħsieb, kellhom ġo qalbhom iż-żerriegħa li snin qabel kienet inżergħet fosthom minn Manwel Dimech’. [13]

Mhux ta’ b’xejn li l-awtur ta’ Eroj ma jdumx ma jqiegħed lill-protagonista tiegħu fil-qalba ta’ din il-ħuġġieġa, jiġifieri fit-Tarzna, u ’l Dimech isemmih mas-sbatax-il darba flimkien max-Xirka tal-Imdawlin tiegħu. Bid-differenza li filwaqt li Chetcuti jsejjes id-dramm tiegħu madwar Manwel Dimech fil-karattru prinċipali tad-dramm, Wenzu – li mhu ħadd ħlief Lorenzo Dyer, wieħed mill-vittmi – fir-rumanz ta’ Michael Cini l-protagonista huwa eroj minn fost il-folla. L-anonimu minn fost dik il-ġemgħa ta’ qalbiena li jsalva bi żbrixx mit-taqtigħa u mix-xafra tal-bajjunetta tas-suldati Ingliżi biex wara jkun jista’ jirrakkuntalna fl-ewwel persuna dan id-dramm li sal-lum għadna nimmarkawh b’jum nazzjonali. La fl-Indipendenza u lanqas fil-Ħelsien ma xtered demm Malti. U la konna naslu għall-Indipendenza u wisq inqas għall-Ħelsien li kieku ma kienx għas-Sette Giugno.

In-narrattiva ta’ Michael Cini mhijiex biss imsejsa fuq ġrajjiet riċerkati. Michael għandu ħakma tajba mhux biss fuq il-lingwa imma jaf isib u jqiegħed il-kelma f’lokha. Għandu vokabolarju rikk u kif ngħidu, idoqq fil-widna. Aktar minn hekk, drawwiet missirijietna jerġgħu jfiġġu matul il-kapitli, kapitli qosra li ma jdejqux lill-qarrej u fl-istess ħin iżommuh imkaħħal mal-folji sakemm il-ktieb jinqara minn qoxra sa qoxra. Ngħidu aħna, meta Anġlu jġib quddiem għajnejh lil missieru lura mix-xogħol għajjien mejjet, u “jaqbad il-ħobż bejn idejh kollhom trab, ibusu, u jintefa’ jindafar bil-ġuħ għami li kien jiġi bih mix-xogħol.” [14] Jew id-deskrizzjoni mill-aqwa li jagħtina tal-ferrovija meta Anġlu jirkeb mill-Ħamrun sa ma jasal Ħ’Attard u jagħtina xenarju mill-isbaħ ta’ dawk l-inħawi li hu tant familjari magħhom u li huma tant għal qalbu – Ħal Lija u Ħal Balzan.

Imma daqstant ieħor mhux biss huma sbieħ imma tassew oriġinali d-dehriet li l-awtur jagħtina ta’ Malta sotterranja li jeżistu taħt il-Belt Valletta, donnu jrid ifittex l-għeruq ta’ pajjiżna u jinżel u jesplora saħansitra d-dinja moħbija ta’ taħtna li ftit jafu biha. Dawn id-deskrizzjonijiet nistgħu ngħidu li nsibuhom sa mill-ewwel rumanz tiegħu Preżenza (it-tiftixa għal Grabiel fil-bir u l-għar moħbi) kif ukoll f’Ix-Xafra tad-Destin (il-kapitli “Passaġġi Sigrieti” u “Fil-Katakombi”).

Michael huwa wkoll mgħallem tal-idjoma Maltija u jsegwi b’rettezza l-amar ta’ Ġużè Muscat Azzopardi: “Qatt ma tkun tista’ tgħid li taf ilsien tajjeb jekk ma tkunx taf tajjeb l-idjoma tiegħu.[15]

Bis-saħħa ta’ dan ir-rumanz, Michael Cini żamm l-appuntament maċ-ċentinarju tas-Sette Giugno u b’mod letterarju fakkar lill-poplu Malti li jkun għajb kbir għalina li ninsew is-sagrifiċċji li għaddew minnhom missirijietna:

Dan ir-rumanz ifittex li jfakkar

Il-memorja u jagħti ġieħ

Lil dawk il-martri u eroj li fl-irvellijiet tas-Sette Giugno,

Issieltu u saħansitra anke xerrdu demmhom

Biex Malta tkun tal-Maltin

 

Nirringrazzjawh minn qalbna ta’ dan il-ġest tabilħaqq patrijottiku. Daqstant ieħor huwa patrijottiku kull awtur li jagħżel il-Malti bħala l-għodda letterarja tiegħu. Huwa ċar li Michael Cini jħoss dan id-dmir lejn art twelidu. Anzi, huwa dmir ħafna għal qalb l-awtur – lejn il-maestà tal-ilsien Malti. F’kull ktieb li ppubblika, fil-paġna tad-dedika nsibu miżjud dan il-kliem: “… kif ukoll lil kull min jgħożż, japprezza u jagħti sehmu biex l-Ilsien Malti nibżgħu għalih u nkomplu nikkultivawh kif jixraqlu ħalli jgawduh ukoll ta’ warajna.”

 

_______________________________

 

 

 

 

 

 

 

[1] Michael Cini, Ix-Xafra tad-Destin (2015). Ara qoxra ta’ wara.

[2] Cini, Ix-Xafra tad-Destin, xvii.

[3] https://en.wikipedia.org/wiki/Great_Siege_of_Malta

[4] Cini, Ix-Xafra tad-Destin, xvii.

[5] Michael Cini, Konvoj: Il-Ġrajja li Naf Jiena Biss (2017), 16.

[6] Orazju, De Arte Poetica (traduzzjoni ta’ Oliver Friggieri) vv. 454-456; 468-470 (1988), 41.

[7] Oliver Friggieri, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji (2000), 844.

[8] Friggieri, 682-683.

[9] Michael Cini, Eroj – Mħabba u Qlubija fis-Sette Giugno (2019), 13-14.

[10] Friggieri, 685.

[11] Cini, 14.

[12] Cini, 308.

[13] Ġużè Chetcuti, 1919 (1987), xix.

[14] Cini, 30.

[15] Ġino u Anna Muscat Azzopardi, Kif Ngħiduha (1975), verso