1. Huwa korrett jekk ngħid li din hija t-tielet parti minn serje – wara Tħabbat Xtaqtek (2017) u In-Nar għandu Isem (2020) – fejn inti f’għamla ta’ djarju intimu u spiritwali twasslilna l-mixja tiegħek lejn is-solitudni sabiex tersaq kemm jista’ jkun qrib Alla? Il-qarrej li jtemm dan it-tielet volum iħoss ukoll li r-rakkont għad irid jissokta. Xi tgħid dwar dan?

Iva, dan il-ktieb huwa t-tielet parti. Fi Tħabbat Xtaqtek bdejt bi djarju – kien bħala tweġiba għal nota ċkejkna miktuba fuq karta, irrumblata u mħollija fis-serratura tal-bieb tal-eremitaġġ. Dak id-djarju jintemm bil-laqgħa tiegħi ma’ Mirela, l-awtriċi tan-nota msemmija. Hi riditni nirrakkuntalha l-imħabba li kelli f’ħajti.

F’In-Nar għandu Isem  għalhekk, immur lura fis-snin. F’dak il-ktieb nirrakkonta tfuliti u l-adoloxxenza ribelli tiegħi, sal-laqgħa qatt mistennija u qatt maħluma ma’ Kristu. Il-ktieb jieqaf f’dik il-laqgħa, u f’dak li dik il-laqgħa qajmet fija, u lill-qarrej inħallih iħares lejja mbellah quddiem l-imħabba ta’ Alla fi Kristu. Jekk fi Tħabbat Xtaqtek il-qarrejja jsibuni fuq il-muntanja, fejn fil-fatt kien l-eremitaġġ, f’In-Nar għandu Isem isibuni taħtha, nitqabad mad-dubji u l-fantażmi ġo rasi. Imma ħajti ma waqfitx hemm.

Ġo baħar Jiskura sad-Dlam nirrakkonta kif, mil-laqgħa tiegħi mal-Imħabba divina, spiċċajt fl-eremitaġġ, fejn sabitni Mirela. L-eremitaġġ għalija ma kienx ħarba, imma kien l-ispazju li fih stajt ngħix iffukat fuq il-Misteru ta’ Alla, u dan l-ispazju ma fittixtux jien minn jeddi, imma kien riżultat tal-istess laqgħa li kelli ma’ Kristu. Kien sejħa li ma stajtx ma nagħtix widen għaliha, għax li ma ngħixhiex ikun ikun ifisser li ma nsibx paċi fija nnifsi.

Bla dubju, wara l-eremitaġġ ħajti kompliet, sa issa. Jinkitbux kotba oħra jew le, ma nistax ngħid. Ngħid biss li, bħalek, oħrajn diġà semmewli li jridu jafu aktar. Ma nwiegħed xejn. Ktieb, jien niktbu biss meta nkun inħkimt minnu, u ma nkunx nista’ nagħmel ieħor ħlief li nobdi. Sa issa dan għadu ma seħħx; jekk iseħħ, ma jkollix għażla.

 

  1. Ġo Baħar Jiskura sad-Dlam għandu żewġ livelli: dak uman fejn tirrakkonta episodji importanti minn ħajtek, anki dawk familjari, nazzjonali, u internazzjonali, mela waqtiet meta saqajk iżżommhom sodi mal-art; u dak li joħodna f’dimensjoni lil hinn mid-dinja fejn ngħixu ta’ kuljum, dinja fejn hemm is-skiet, ir-riflessjoni, il-laqgħa mal-uġigħ u n-Nar, il-profondità spiritwali. Kemm hu veru dan kollu?

 

Veru għal kollox. Gioele huwa bniedem tad-demm u l-laħam bħal kulħadd. U, bħal kulħadd, jien ukoll ruħ, jien ukoll spirtu. Fid-dinja tal-materja ma ngħixx biss bil-materja, imma wkoll bl-ispirtu. U fid-dimensjoni tal-ispirtu, ma nirfisx biss bħala spirtu, imma wkoll bħala materja. Iż-żewġ livelli huma mżewġa,  jekk nista’ nitkellem hekk; it-tnejn jagħmlu tessut wieħed. Ma nħoss ebda qasma fija bejn iż-żewġ livelli, għax livell jinforma lill-ieħor, u vice versa. Jien u ngħid dan ma nistax niċħad il-fatt li ħafna drabi dak li jseħħ fir-ruħ ma jkollix kliem adegwat għalih. F’dan il-kas ma jkunx ifisser li l-ġisem ma jkunx ħa sehem ukoll f’dak imġarrab fil-profond; għax b’dak li jkun seħħ hemm ikun bħalkieku instamat. Tismit ta’ din ix-xorta mhux talli ma jaqtgħekx mill-art, talli jżidlek is-sens tat-toqol tal-art.

 

  1. Il-ħolm, imma anki ċerti viżjonijiet, li tirrakkonta dwarhom. Kemm kellhom piż f’ħajtek dawn?

Dawn kellhom piż biss meta seħħew fil-qalba ta’ ruħi, fl-essenza tagħha. Dak li jseħħ f’dik il-qalba mhux talli ma tkunx tista’ tinjorah, talli jaħkmek għal kollox; mhux talli ma tinsiehx, talli ma jitilqek qatt, u jgħaddu kemm jgħaddu snin issibu hemm, ifannadlek ħajtek u jmexxik.

 

  1. Min hija Mirela? Hija biss dik li tindirizza fil-ktieb? Hija l-istess persuna li tindirizza f’paġna 59 meta tikteb, “Nistħajlek diġà qtajt nifsek taqrani.”?

Mirela hija dik li ltqajt magħha fl-aħħar tal-ktieb Tħabbat Xtaqtek, u li minħabba fiha nkitbu dan il-ktieb u ta’ qablu. Madankollu huwa fatt li hi saret ukoll il-qarrejja kollha tiegħi. Illum huma l-qarrejja li jkomplu jagħmluli l-mistoqsijiet li żgur kienet tagħmilli hi  li kellha tara ’l wiċċi mill-ġdid.

 

  1. Il-proża tiegħek tfakkar ħafna fil-kitba ta’ Thomas Merton, filwaqt li l-versi tiegħek ifakkruni fil-versi ta’ Patri Marjanu Vella. Kemm fil-fatt influwenzawk kittieba bħal dawn?

Liż-żewġ awturi qrajthom, imma kemm influwenzawni diffiċli ngħid. Kif tasal tkejjel? Emminni, ma nafx. Li nista’ ngħid hu li jien, naqra x’naqra jrid ikollu reżonanza intima fija biex naċċettah bħala tiegħi. Żgur hu li bil-kitba tiegħi jien ma tlaqtx mill-qari tagħhom; tlaqt mill-esperjenza personali tiegħi, u jekk, pereżempju, tkellimt min-nar, dik il-metafora ma’ tahielix dan jew dak l-awtur, imma l-istess ħsus li kont inħosshom jiddivorawni. Hekk ukoll jekk tkellimt mis-skiet, dan għamiltu mis-skiet li kien jaħkem lili u mhux mill-esperjenza li ħaddieħor seta’ kellu tas-skiet. Ma nħossnix bnejt fuq awturi oħra; inħossni biss kumpann tagħhom, naqsam magħhom f’Misteru wieħed li jisboqna lkoll.

 

  1. Għaliex ħassejt il-bżonn li tikteb dan kollu? Kemm hu importanti għalik li ktibt dan kollu proprju bl-ilsien tagħna, l-ilsien Malti? Għalik il-kelma miktuba hija ‘skiet’?

 

F’kapitlu 76 nirrivela min hemm tassew wara kitbieti. Ma kienx bżonn tiegħi li nikteb; il-bżonn kien li nobdi. Nistqarr miegħek li ġieli xtaqt li qatt ma ktibt xejn. U llum ma ngħidx hekk għall-fatt wieħed biss: għax li ngħid ‘nixtieq li qatt ma ktibt xejn’ kien ikun ifisser ‘nixtieq li qatt ma obdejt’. Illum inħossni ppaċifikat mall-att tal-kitba, u mal-ubbidjenza li timponi fuqi.

Meta niġi għal kitba bħal din, jew għal kitba tal-poeżija, ma jaħkimnix ħlief l-ilsien Malti. Lanqas jiġini f’moħħi li nikteb bi lsien ieħor. Donnu l-Malti hu l-ilsien ta’ ruħi; hu l-Malti l-ilsien ta’ ħsusi.

Iva, għalija l-kelma miktuba hi ‘skiet’. U hi skiet għax tabilħaqq tqum mis-skiet. Hi kelma li llum naf li ma tiksirlix is-skiet li ngħammar fih. Għax ma hix ħsejjes; imma hi espressjoni ta’ qofol li ninsab miexi lejh daqs kemm ninsab diġà ġo fih.

 

  1. Jista’ jkun li l-kitba b’xi mod isservi bħala ‘ankra’ imma anki ‘qlugħ’ matul il-vjaġġ ta’ tiftix li inti – spiss meħud minn sens ta’ insikurezza jew vulnerabbiltà umana – tagħmel?

Jidhirli li aktar milli s-sens tal-insikurezza hu s-sens tal-vulnerabbiltà li kontinwament jeħodni. Quddiem il-Misteru ma nistax ma nħossnix vulnerabbli. Kollox hu ikbar minni; kollox jisboqni. Hija vulnerabbiltà li ma nistħix minnha, għax hi l-verità tal-qagħda tiegħi bħala bniedem.

Iva, xi drabi l-kitba hi ‘ankra’, u drabi oħra hi ‘qlugħ’; u sew meta hi ‘ankra’, u sew meta hi ‘qlugħ’, hi dejjem spazju ta’ rivelazzjoni. Fis-sewwa kollu, bil-kitba nħossni nħares lejn il-ħajja, inħossni nagħrafha, inħossni nogħdos fiha, inħossni niskopri d-disinji u l-profonditajiet tagħha.

 

  1. Kelma li tirrikorri spiss hija “qiegħ”. Xi tfisser għalik?

B’ “qiegħ” jien nifhem il-qalba, il-qofol, iċ-ċentru. Nifhem il-punt ġewwieni, il-punt intimu li ’l ġewwa minnu ma hemm ħadd iktar ħlief Alla nnifsu. U b’Alla bħala ċ-ċentru ta’ dal-qiegħ, dal-qiegħ hu intuwit bħala qiegħ li ma għandu ebda qiegħ. F’dan il-“qiegħ” il-menti ma jreġux. Madankollu, ruħi ma togħtorx. Moħħi iva; ruħi le. Ruħi għajnejn miftuħa, u m’għandhiex biex tgħatti lilha nnifisha quddiem il-Misteru ta’ Alla.

 

  1. F’paġna 220 hemm il-mistoqsija, “Dan f’sensih?” Qisu hemm linja li tifred bejn il-bżonn tal-esperjanza tat-twaħħid komplet ma’ Alla fuq naħa, u l-ġenn fuq l-oħra, jew le? Reazzjonijiet tiegħek?

Għadni kemm aċċennajt għall-fatt li r-ruħ tifhem/tesa’ aktar milli jifhem/jesa’ il-moħħ. Dak li tara ruħi mhux dejjem jinfelaħ minn moħħi. Din l-esperjenza diffiċli ħafna npoġġiha fi kliem. Madankollu din ngħixha.

Forsi aktar milli linja li tifred hemm xifer, u dan ix-xifer f’xi waqtiet jinqabeż. Bħal meta għandek tazza u wara li tkun imlejtha sax-xfar tibqa’ tferra’ l-ilma fiha. Il-fawran jidher ħela; u l-ħela jidher ġenn. Ġenn, imma għal-loġika tal-ġisem u mhux għal-loġika tal-ispirtu.

Hemm l-esperjenza ta’ sebqa, imma wkoll it-tensjoni li din l-esperjenza toħloq kemm fil-bniedem li jġarrabha kif ukoll f’dawk li jippruvaw iħarsu fil-fond fit-tali bniedem.

Il-mistoqsija li kkwotajt mill-ktieb inti, qamet f’ras il-monaku li lilu kont qed nagħti rendikont tal-esperjenza tiegħi. Naf – għax deher ċar f’ħarstu – li staqsa kontx f’sensija / f’sikkti jew le. Ir-raġuni kienet li fija kienu qed jinqabżu x-xfar, u hu ma setax jifhem kif dak seta’ jkun.

Jien ukoll, kien hemm drabi li għamilt l-istess mistoqsija dwari nnifsi. Jew aħjar, aktar milli jien, kien moħħi li għamilha. U ruħi dejjem weġbitu bil-mod qawwi tagħha, hekk li l-mistoqsija tiegħu qatt ma kienet tassew dubju li jilħaqni sal-qalba. Jidhirli li fil-ktieb innifsu dan nitkellem dwaru wkoll.

 

  1. L-Alla li spiss iddur lejh jibqa’ sieket. Dan joħloq fik uġigħ, forsi anki disperazzjoni. Kemm hu veru dan?

 

Fis-sewwa kollu, fil-ġrajja tul il-ktieb Alla ma jibqax sieket; fil-ktieb Alla jitkellem bis-skiet tiegħu. Is-skiet tiegħu kien kelma li mhux dejjem ridt nismagħha, u r-raġuni li ma ridtx nismagħha kienet għax mhux dejjem għoġbitni. Alla kien imtarrax għal talbi; imma dan kien biss għax dak li ridt jien kien il-maqlub ta’ dak li riedni Hu. Hu amarli ħaġa, u jien ipprotestajt u bkejtlu li ridt ħaġa oħra. Għax ma bidilx fehemtu skont fehemti stajt ngħid li Alla ttarrax għalija, imma fis-sewwa kollu kont jien li ttarraxt għalih.

Dak li kien qed jintalab minni, iva, ikkawżali uġigħ; imma dan l-uġigħ tripla minħabba l-fatt li jien żammejt iebes u ssilitt biex tgħaddi ta’ rasi. Imma mbagħad meta ntlaqt sibt il-paċi. Kien hemm li s-skiet ta’ Alla laħaqni bl-elokwenza tiegħu.

 

  1. Xi tfisser eżattament meta tiddefinixxi lil Alla bħala “Alla dlam” (p. 232)?

Id-dawl li għajnejna jaraw huwa d-dawl maħluq. Imma Alla, li hu dawl fih innifsu u minnu nnifsu, mhuwiex maħluq. Alla hu dawl li għajnejna f’wiċċna ma jistgħux iħarsu lejh u jibqgħu ma jitgħamxux. Meta qed ngħid “Alla qabel kull dawl. Alla veru. Alla dlam” m’iniex niddefinixxi lil Alla bħala dlam, imma qed ngħid li lil Alla rridu fil-Verità tiegħu nnifsu. U jekk din il-Verità tgħammixni, irrid nitgħammex. Anki jekk it-tgħammix jagħmini, xorta dik il-Verità rrid, u mhux ħaġ’oħra. Nipreferixxi l-Verità li tweġġagħni milli l-ħolma li tpaxxini. Għalija l-Verità hi aktar mixtieqa mill-gost. Huwa f’dan is-sens li  ngħid li rridu “Alla dlam”. Alla li jien nista’ naħkem hu alla ridott, u għalhekk mhuwiex Alla tassew. Iva, Alla tassew jagħmini, għax jgħammixni; ikun fid-dlam li jiġi mit-tgħammix li nsib lili nnifsi fil-verità tiegħi nnifsi, bħala ħlejqa maħbuba.

 

  1. Poeżija (anki permezz tal-ġabriet poetiċi varji li ppubblikajt) u proża t-tnejn jikkontribwixxu biex iwasslulna l-esperjenza t’Alla li hemm fik u madwarek. Xi jmiss wara Ġo Baħar Jiskura sad-Dlam?

Ma nazzardax ngħid għax – anki jekk għandi xi xogħlijiet lesti jew għaddejjin – ma nistax inkun ċert tassew xi jmiss. Inħalli ż-żmien jurini, u fuq kollox inħalli lil ruħi ddawwalni u tmexxini.

 

Patrick Sammut, editur IL-PONT, rivista letterarja virtwali sa mill-2012.